Il-problema tal-housing tal-lum hija s-separazzjonijiet – Galdes

Luke Zerafa

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes qal li l-problema tal-housing illum huma n-numru ta’ separazzjonijiet u tkissir tal-familji.

Meta kien qed jitkellem dwar l-estimi u nfiq tal-Awtorità tad-djar, Galdes qal li sal-lum, Gvern Laburista għadda mal-1,000 unit għall-akkomodazzjoni soċjali, bejn appartamenti vakanti u l-proġett ta’ housing fil-Belt Valletta.

Hu akkuża lid-deputati Nazzjonalisti Ryan Callus u Clyde Puli li kkritikaw il-proġett tal-housing fis-Siġġiewi li qed jiddefendu persuna partikulari fis-Siġġiewi li se titlef il-veduta b’dan il-proġett. Huwa qal li l-proġett tas-Siġġiewi qed isir f’sit li ġie identifikat minn Gvern Nazzjonalista bħala proġett għal housing iżda li tħalla fuq l-ixkaffa. Galdes qal li l-proġett tal-housing joqgħod ma’ dawk li huma l-minimum standards maħruġa mill-Awtorità tal-Ippjanar.