Qatlu lil ommi imma mhux se jwaqqfu lili – Matthew Caruana Galizia

Matthew Caruana Galizia, wieħed mit-tlett itfal tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia, qal li għalkemm qatlu lil ommu mhux se jkunu qed iwaqqfu lilu.

Mistoqsi minn The Observer, jekk hux konċernat dwar is-sigurtà tiegħu, Matthew Caruana Galizia qal li jibża’ speċjalment għal missieru. Spjega li missieru jkun Malta ħafna mill-ħin filwaqt li hu aktar ikun barra minn Malta. Però qal li sakemm ma jibqgħux għaddejjin, qatt mhu se jkun hemm ġustizzja.

Matthew Caruana Galizia qal li ommu ma kinetx il-problema iżda kienu n-nies li qalulha tieqaf tikteb li huma l-problema.

Ma’ The Observer, Matthew Caruana Galizia qal li ommu kienet qed tgħix fil-biża’ imma kienet iffukata li tagħmel xogħolha. Irrifjutat li tbaxxi rasha għall-intimidazzjoni.

Matthew Caruana Galizia qal li minn meta kien żgħir kien jaf li l-problema ma kinetx ommu imma n-nies li kienu qed jgħidulha biex tieqaf tikteb l-affarijiet li kienet tippubblika.

“Niftakarni sejjer l-iskola l-ġurnata wara li ngħata n-nar il-bieb tad-dar tagħna u l-għalliema tal-klassi tiegħu qalet li ‘ommok ma messiex kitbet dawn l-affarijiet’. Il-problema ma kinetx ommi. Qisek qed titfa’ t-tort fuq mara li kienet miexja fit-triq b’libsa talli ġiet stuprata. Huwa mod differenti ta’ victim-blaming.”

Attriċi ta’ Game of Thrones se taħdem il-parti ta’ Daphne

Waħda mill-atturi li ħadmet parti fis-serje popoplari tal-HBO Game of Thrones se tkun qed tinterpreta l-parti ta’ Daphne Cauruana Galziia f’serje ġdida tar-radju fuq il-BBC.

Qabel l-aħħar darba li ħarġet mid-dar, Matthew Caruana Galizia ċċajta magħha dwar il-kapaċitajiet tat-tisjir tiegħu wara li offra li jsajjar ir-ravjul. Ftit wara skattat il-bomba li kienet tpoġġiet fil-karozza tal-ġurnalista. Mietet fuq il-post.

L-istorja ta’ Caruana Galizia se tiġi interpretata f’docudrama ta’ ħames partijiet fuq BBC Radio 4. Daphne: A Fire in Malta inkiteb minn Lizzie Nunnery. Michelle Fairley se tkun qed tilgħab il-parti tal-ġurnalista. Fairley kienet ħadmet il-parti ta’ Catelyn Stark fis-serje tal-HBO Game of Thrones. Ħadmet ukoll fis-serje Suits.

Skont The Guardian, mhux kull parti tad-drama hija bbażata b’mod strett fuq il-fatti. Fil-bidu ta’ kull episodju n-narratur jgħid li hemm ħafna li mhuwiex magħruf u hemm xi affarijiet li kellhom jiġu mmaġinati. Intqal li d-dramatizzazzjoni tagħti stampa umana tal-ġurnalista determinata u kommessa u l-impatt li kellu x-xogħol tagħha fuq ir-raġel u t-tlett itfal tagħha. Skont is-serje, fil-quċċata tiegħu l-blog ta’ Caruana Galizia kellu aktar nies jaqrawh milli kien hemm nies jgħixu f’Malta.

Mal-Observer, Matthew Caruana Galizia qal li ommu kellha l-enerġija ta’ għaxar persuni u kienet kapaċi tagħmel ħafna affarijiet differenti fl-istess ħin.

Matthew Caruana Galizia qal li kienu qed jaraw li l-affarijiet kienu sejrin dejjem għall-agħar f’Malta. Spjega li kien qed jistenna li jkun hemm prosekuzzjonijiet u riżenji wara l-iskandlu tal-Panama Papers fl-2016 imma fakkar li xejn minn dan ma’ ġara. Qal li minflok, bdew attakki kontra ommu, kontrih, u kontra ġurnalisti oħra. Qal li kien hemm atmosfera ta’ impunità.

Is-serje Daphne: A Fire In Malta tibda fl-1 ta’ Lulju u tixxandar fuq Radio 4 u BBC Sounds.

Serje ġdid ibbażat fuq il-ħajja ta’ Daphne Caruana Galizia