Il-problema għall-Knisja fl-Ewropa huma l-knejjes vojta

Il-Kardinal John Onaiyekan qal li jħossu skantat kif il-Knisja fil-Punent hi ffissata fuq dawk iddivorzjati li reġgħu żżewġu u fuq l-omosesswali u mhux qed taħseb fuq il-problema ferm akbar tal-knejjes vojta.
Il-kardinal Niġerjan, li hu l-Arċisqof ta’ Abuja, qal li jiskanta kif l-Ewropa hi mehdija fuq dawn il-kwestjonijiet u mhux imħassba dwar il-fatt ta’ dwejjaq u tħassib tal-knejjes li ikun dejjem iżjed vojta u li ħafna nies m’għadhomx imorru fil-knejjes.
Hu fatt magħruf li filwaqt li l-Ewropa qed issir aktar sekularizzata, il-Knisja fin-Niġerja qed tikber.
Dwar il-prattika tal-omosesswalità l-Kardinal Onaiyekan qal li f’pajjiżu hemm reżistenza qawwija għaliha kemm mill-Insara kif ukoll mill-Musulmani. F’ħafna pajjiżi Afrikani inkluż in-Niġerja l-omosesswalità hi projbita anke legalment.
Hu qal li l-Knisja m'għandhiex tiddemonizza lil min hu omosesswali u d-duttrina tagħha f’dan ir-rigward hi ċara ħafna u wieħed ma jistax jaħrab minnha. Qal li l-fatt li l-Knisja Kattolika fl-Afrika ma tapprovax l-omosesswalita mhux għax għadha lura.
Dwar l-Amoris Laetitia, u partikolarment dwar id-divorzjati li reġgħu żżewġu ċivilment u l-possibiltà li jersqu lejn is-Sagramenti, il-Kadinal Niġerjan qal li hu lil koppji bħal dawn jispjegalhom li filwaqt li ma jistgħux jitqarbnu, xorta waħda huma inkoraġġiti li jmorru l-knisja spiss. “Intom mhux esklużi”, jgħidilhom filwaqt li ammetta  li kultant isibha diffiċli ma jħallihomx jersqu lejn is-Sagramenti, speċjalment meta xi ħadd mill-koppja jkun ġie abbandunat mill-parti l-oħra.
Huwa qal li kultant il-Knisja ma tistax tilħaq lil xi persuni, iżda din mhux raġuni biex dawn ikunu abbandunati.
Din mhix l-ewwel darba li dan il-Kardinal ddefenda d-dutrina tal-Knisja dwar iż-żwieġ u l-familja.
Fil-fatt fl-2015 kien ikkontribwixxa għal ktieb li kitbu 11-il kardinal fejn bil-kitba tiegħu kien ipprova jikkonvinċi lis-Sinodu dwar il-Familja li kien għadu se jsir, biex ma jidħolx fit-temi tal-omosesswalità u t-tqarbin lid-divorzjati li reġgħu żżewġu.