Il-privileġġ parlamentari jrid jitneħħa – Alex Muscat

 Id-deputat Laburista Alex Muscat  qal li wasal iż-żmien li l-liġi dwar l-immunità jew il-privileġġ parlamentari tkun riveduta. Stqarr li dan minħabba li hemm membri mill-Oppożizzjoni li qed jabbużaw minn dan id-dritt parlamentari.

Meta kien qed jitkellem waqt l-aġġornament parlamentari llejla, Muscat qal li għandu jinstab bilanċ xieraq dwar id-dritt tal-membri parlamentari u d-dritt taċ-ċittadini li jiddefendu r-reputazzjoni tagħhom f’każ li jiġu attakkati inġustament.

Spjega kif f’ċirkostanza partikolari, membru parlamentari għamel referenza għal uffiċjal tal-Pulizija b’ismu u kunjomu mingħajr dak l-uffiċjal ma seta’ jagħmel xejn.

Huwa semma wkoll il-każ tal-Corinthia fejn din il-kumpanija qed tiġi mgħoddija minn martirju sħiħ mill-membri tal-Oppożizzjoni mentri barra l-bini tal-Parlament, l-istess kelliema ftaħru bis-suċċess li kisbet internazzjonalment.

“X’jiġifieri kumpanija m’għandhiex dritt tfittixni fuq dak li ngħid fil-Parlament?” jistaqsi Muscat.