Il-Prinċep William lest li jservi bħala pilota biex jgħin lir-Renju Unit jiġġieled l-coronavirus

Britain's Prince William and Catherine, Duchess of Cambridge, arrive in Islamabad, Pakistan October 14, 2019. REUTERS/Peter Nicholls

Id-Duka ta’ Cambridge hu rrappurtat li ddikjara x-xewqa li “jagħmel il-parti tiegħu” biex jgħin kontra l-imxija tal-coronavirus li bħalissa qed taffettwa r-Renju Unit, billi jerġa’ lura għax-xogħol preċedenti tiegħu bħala pilota tal-helicopter mal-ambulanza tal-ajru. Fl-2015, il-Prinċep kien għadda sentejn jaħdem bħala pilota tal-helicopter-ambulanza, parti minn tim ta’ tobba li jġorru lill-pazjenti minn postijiet remoti lejn l-eqreb sptarijiet.

Madankollu, jista’ jkun diffiċli għalih li jerġa’ lura għal dan ix-xogħol minħabba r-rwol tiegħu bħala membru għoli tal-Familja Rjali, hekk kif missieru qed jirkupra mill-Covid-19 filwaqt li membri oħra tal-familja rtiraw mir-rwoli pubbliċi tagħhom.

Skont sorsi, “Hu konxju li l-pajjiż kollu qed jaħdem kontra din il-pandemija, u hu jixtieq jgħin. […] Iżda dan jista’ jkun kemxejn diffiċli għaliex hu oriġinalment waqaf minn xogħolu biex ikun jista’ jwettaq dmirijietu bħala prinċep.” Buckingham Palace ma ħareġ l-ebda stqarrija dwar dan.

Bħalissa fl-isptarijiet madwar ir-Renju Unit qed jiddaħħlu madwar 1,000 pazjent ġdid kuljum, fejn hemm madwar 9,000 pazjent tal-Covid-19 li qed jirċievu trattament għal dan il-virus. In-numru ta’ każijiet żdied bi kważi 3,000 matul tmiem il-ġimgħa li għadda.

Il-Prinċep William kien jaħdem bħala pilota mal-ambulanza tal-ajru fl-East Anglia bejn l-2015 u l-2017, fejn wettaq diversi titjiriet matul is-sentejn tas-servizz tiegħu, qabel ma waqaf biex jieħu postu bħala membru għoli fi ħdan il-Familja Rjali.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn