Il-Prinċep William inkwetat dwar ħuh Harry

Il-Prinċep William, id-Duka ta’ Cambridge, jinsab inkwetat ħafna dwar saħħet ħuh Harry u martu Meghan Markle. Huwa kien qed jitkellem wara li l-Prinċep Harry żvela ma’ udjenza televiżiva nhar il-Ħadd li għadda dwar id-diqa tiegħu personali u l-firda li jidher li hemm fil-Familja Rjali. Il-Prinċep William wera l-inkwiet tiegħu meta ħuh ikkonferma li l-aħwa kienu qed jimxu fi triqat separati u qed jgħaddu inqas ħin flimkien.

Kelliem mill-palazz irjal qal li l-Prinċep Harry u martu huma fi stat fraġili ħafna waqt li l-Prinċep William semma li jittama li kollox huwa sew ma’ Harry li bla mistenni kixef ir-relazzjonijiet privati tagħhom f’dokumentarju fuq it-televiżjoni. Il-Prinċep Harry, waqt li kien intervistat minn sieħbu Tom Bradby li hu wkoll broadcaster mal-ITV, ammetta li jiġru ċerti affarijiet minħabba l-pressjoni li wieħed isib ruħu fihom fil-ħajja rjali.

ll-Prinċep Harry waqt li intervistat fid-dokumentarju tal-ITV

L-inkwiet tal-aħwa ta’ bejniethom wassal biex l-istorja tagħhom tkun rappurtati fil-faċċati ta’ quddiem ta’ bosta ġurnali Ingliżi, fuq ir-radju u anki fuq it-televiżjoni. Id-deċiżjoni tal-aħwa li jitkellmu daqshekk fil-pubbliku dwar ħajjithom intqal li qed tħasseb bis-sħiħ lir-Reġina Eliżabetta li hi għal kollox kontra li dawn l-affarijiet joħorġu fil-pubbliku.

Parti mill-ġurnali Ingliżi tal-lum li rrappurtaw dwar il-Prinċep William u ħuh

Iżda kummentaturi tal-Familja Rjali saħqu li l-Prinċep Harry naqqas mill-impressjoni ħażina li setgħet ingħatat bi kliemu għax f’parti oħra tal-programm qal li “Ħija William qiegħed dejjem hemm għalija u jien għalih. Inħobbu għad li ma tantx naraw ħafna lil xulxin għax ikollna bosta x’nagħmlu. Taf int, hemm ġranet tajbin u oħrajn ħżiena.”

Imma jibqa’ l-fatt li r-relazzjonijiet bejn l-aħwa ma baqgħetx l-istess wara li l-Prinċep Harry żżewweġ lill-ekx attriċi Amerikana Meghan Markle.