Il-Prinċep Philip joħroġ mill-isptar eżatt qabel il-Milied

REUTERS/Hannah McKay

Il-Prinċep Philip, ir-raġel tar-Reġina Eliżabetta, li għandu 98 sena, ġie rilaxxat mill-isptar f’Londra llum u se jkun qed jingħaqad mal-membri l-oħra tal-familja Rjali għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-Milied.

Id-Duka ta’ Edinbrugh kien qed jirċievi l-kura fl-Isptar King Edward VII minn nhar il-Ġimgħa. Hu ħareġ mill-isptar, fejn ħa b’idejn l-infermiera qabel ma daħal fil-karozza. Il-prinċep imbagħad ivjaġġa bil-ħelikopter lejn Sandringham fejn il-familja Rjali tingħaqad biex tiċċelebra l-Milied.

Dan ġie kkonfermat permezz ta’ dikjarazzjoni minn Buckingham Palace stess.

Il-Prinċep kien iddaħħal l-isptar bħala miżura ta’ prekawzjoni għal trattament ta’ kundizzjoni li jbati minnha. Ir-Reġina, li għandha 93 sena, ivvjaġġat lejn Sandringham nhar il-Ġimgħa.

Fl-aħħar jiem ma kienx ċar jekk il-Prinċep Philip kienx se jirnexxielu jakkumpanjaha għall-Quddiesa f’Jum il-Milied. Is-sena li għaddiet hu ma kienx attenda għal dan l-istess avveniment.

Il-Prinċep Philip iritira mill-ħajja pubblika f’Awwissu tal-2017, iżda minkejja dan ġieli jidher f’ingaġġi uffiċċjali. Hu kien qatta’ l-Milied tiegħu fl-2011 l-isptar wara operazzjoni u fl-2012 kien tilef is-60 anniversarju minn meta r-Reġina Eliżabetta ħadet it-tron għax spiċċa l-isptar minħabba infezzjoni.