Il-Prinċep Philip jinqaleb bil-karozza

Il-Prinċep Philip kien involut f’inċident tat-traffiku qrib Sandringham Estate, madwar 115-il mil fil-Grigal ta’ Londra.

Kelliem għall-Buckingham Palace qal mal-midja internazzjonali, li d-Duka ta’ Edinburgh, li għandu 97 sena, ma ġarrab l-ebda ġrieħi.  L-inċident seħħ hekk kif hu kien ħiereġ minn driveway b’Range Rover illum waranofsinhar.

Skont Buckingham Palace l-inċident kien jinvolvi karozza oħra, b’żewġ persuni jingħataw il-kura għal ġrieħi ħfief.  Persuni fuq il-post qalu lill-BBC, li l-karozza tad-Duka nqalbet u li kien hemm xi persuni li għenuh joħroġ mill-karozza. Żiedu jgħidu li kien konxju, imma taħt xokk.

Il-Prinċep Philip irtira mix-xena pubblika f’Awwissu tal-2017.