Il-Prinċep Philip jagħlaq 99 sena

Ritratt: Facebook/RoyalFamily

Il-Prinċep Philip illum qed jiċċelebra għeluq id-99 sena tiegħu. Huwa twieled bħal-lum l-10 ta’ Ġunju tal-1921.

Il-Prinċep Philip hu magħruf li ma jħobbx wisq ċelebrazzjonijeit f’għeluq sninu iżda għal din l-okkażjoni huwa ppoża, jumejn ilu, għal ritratt mar-Reġina Eliżabetta II.

Dan kien l-ewwel ritratt tiegħu minn mindu kien ippoża għal ritratt ieħor fil-bidu tas-sena. Kien hemm bosta xnigħat dwar saħħtu peress li ftit qabel il-Milied huwa ddaħħal l-isptar.

Meqjus bħala bniedem ta’ ftit kliem, il-Prinċep Philip ilu nieqes minn dehriet pubbliċi minn mindu rtira mir-responsabbilitajiet rjali tiegħu fl-2017 u kien dan l-aħħar li hu għamel stqarrija rari hekk kif irringrazzja it-tobba għall-ħidma tagħhom waqt il-pandemija tal-Covid-19.

Skont sorsi, id-Duka ta’ Edinburgh illum qed iqatta’ għeluq sninu mar-Reġina fil-kastell ta’ Windsor, fejn huma ilhom joqgħodu tul il-lockdown fir-Renju Unit. Filfatt ilhom minn Marzu ma jaraw lill-membri tal-familja tagħhom.

Bla dubju li ulied u uliedhom se jkunu qed jagħmlu kuntatt magħhom permezz ta’ video conference calls, xi ħaġa li r-Reġina tħobb tagħmel spiss. Iżda mhux l-istess jingħad għall-Prinċep Philip li mhuwiex daqshekk tekniku biex iħaddem dawn l-affarijiet.

Il-Prinċep Karlu ftit tal-jiem ilu stqarr pubblikament li ilu ma jara lil missieru għal bosta xhur iżda qal ukoll li jżommu kuntatt bit-telefon.

Il-Prinċep Philip u r-Reġina Eliżabetta II ilhom miżżewġa għal dawn l-aħħar 73 sena u skont rapporti maħruġa fil-midja, il-koppja rjali bħalissa qed tieħu vantaġġ mil-lockdown li jinsabu fih biex iqattgħu flimkien ħafna aktar ħin minn qabel.

Bosta huma ċerti li se jkunu qed jiċċelebraw għeluq id-99 sena tal-Prinċep bl-aktar mod speċjali.