Il-Prinċep Karlu ma’ Katy Perry f’għeluq sninu

Ritratt: Instagram/Clarence House

Il-Prinċep Karlu tal-Ingilterra qed jiċċelebra għeluq il-71 sena tiegħu.

F’dawn il-ġranet huwa jinsab f’Mumbai, fl-Indja fejn hu qiegħed hemm għal tlett ijiem biex isaħħaħ ir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi.

Fost ħafna impenji tiegħu fl-Indja, il-Prinċep qattgħa ħafna ħin ma’ tfal tal-iskola li ċċelebraw dan il-jum speċjali miegħu anki billi ppreżentawlu kejk li huwa qasam fil-preżenza tagħhom.

Ritratt: Instagram/Clarence House

Iżda żgur li l-Prinċep ta’ Wales ma kienx qed jistenna li waqt wieħed mill-impenji tiegħu f’Mumbai kien li meta kien se jkun qed jitkellem dwar il-British Asian Trust li huwa waqqaf fl-2007, kellu jsib ma’ wiċċu lill-kantanta Katy Perry.

Ritratt: Instagram/Clarence House

Jingħad li Perry semgħet dwar din it-Trust u marret personalment biex tiltaqa’ fuq il-post mal-Prinċep biex b’hekk issir taf aktar dwar il-ħidma li ssir biex permezz ta’ din l-organizzazzjoni jiġġieldu l-faqar.

Inċidentalment kien il-jum ta’ għeluq snin il-Prinċep u żgur se jibqa’ jiftakar għeluq il-71 sena tiegħu!

Perry, li għandha 35 sena, bħalissa tinsab fl-Indja peress li nhar is-Sibt li ġej se tkun waħda mill-artisti li se tieħu sehem fil-PnePlus Music Festival li se jsir f’Mumbai.