Il-Prinċep Harry jitkellem għall-ewwel darba dwar id-deċiżjoni li ħa

Il-Prinċep Harry tkellem pubblikament għall-ewwel darba wara diżgwit fil-familja rjali tal-Ingilterra. Hu qal li jiddispjaċih iżda ma kellux għażla oħra barra dik li jaqta’ r-rabtiet kważi kollha tiegħu u ta’ martu mill-Palazz ta’ Buckingham.

Il-kummenti sinċiera tiegħu, li għadda waqt avveniment ta’ karità, kienu l-ewwel rimarki tiegħu mindu tħabbar li l-koppja kienu se jinqatgħu mill-familja rjali bil-għan li jkollhom ħajja aktar kwieta.

Waqt id-diskors Harry qal li d-deċiżjoni ma kienet ħafifa xejn. Hu faħħar lir-Reġina Eliżabetta II u l-kumplament tal-familja li appoġġjaw lilu u lil martu fl-aħħar xhur. Hu qal li din id-deċiżjoni ttieħdet bil-għan li familtu jkollha ħajja aktar serena.

Hu stqarr li flimkien ma’ Meghan għandhom l-intenzjoni li jkomplu joffru l-għajnuna, l-imħabba u l-appoġġ tagħhom lill-Ingilterra.

Harry u Meghan qed jippjanaw li jqattgħu ħafna mill-ħin tagħhom fil-Kanada. Min din ir-Rebbiegħa l-familja ta’ Harry se jieqfu jużaw it-titlu ta’ Rjali u se jitilfu wkoll l-aċċess kollu għall-fondi pubbliċi. Dan minħabba li se jkunu qed jieqfu milli jwettqu l-funzjonijiet uffiċjali.