Il-Prinċep Harry ifittex l-għajnuna għat-telfa t’ommu Diana

Il-Prinċep Harry qal li wara li tilef lil ommu, il-Prinċipessa Diana, għadda minn żmien diffiċli u  kellu jmur għat-terapija.
Huwa kien tilef lil ommu meta biss kellu 12-il sena u minkejja li ħuħ, il-Prinċep William kien jipprova jipperswadieh biex ifittex l-għajnuna, huwa baqa’ lura.
F’intervista ma’ The Telegraph, huwa qal li qatta’ 20 sena jostor l-emozzjonijiet li kien iħoss dwar it-telfa t’ommu.
Spjega li meta għalaq 28 sena għadda minn sentejn ibsin, fejn iddeskrivihom bħala kaos.
Dan hekk kif qal li matul dawn is-sentejn inħakem minn ansjetà kbira, l-iktar meta kien ikollu jmur għal xi ħaġa fil-pubblika.
Il-Prinċep Harry, li llum għandu 32 sena qal li llum il-ġurnata jħossu aħjar wara li mar għat-terapija.
Qal ukoll li fattur ieħor li għenu kien il-boxing fejn permezz tiegħu ħareġ ir-rabja u l-ansjetà tiegħu.