Il-Prinċep George rregalat sinna ta’ kelb il-baħar li nstabet Malta

Il-Prinċep George, iben il-Prinċep William u d-Dukessa Kate, ingħata sinna ta’ kelb il-baħar li l-istoriku Sir David Attenborough sab f’Malta waqt btala fis-sittinijiet.

Fuq il-paġna tagħha fuq Instagram, il-familja rjali xerrdet xi ritratti miż-żjara li kellha ma’ Sir Attenborough, fosthom ritratt fejn tidher is-sinna li l-istoriku ta lill-Prinċep.

Is-sinna li Attenborough għadda lill-Prinċep hija ta’ kelb il-baħar tat-tip carcharocles megalodon. Ġie spjegat li huwa sabha meta kien fuq btala f’Malta mal-familja tiegħu lejn l-aħħar tas-sittinijiet. Kienet ġol-ġebla tal-franka, minn madwar 23 miljun sena ilu.

Ir-ritratti ttieħdu fir-residenza tal-familja, Kensington Palace, meta l-familja rat il-film li se joħroġ Sir Attenborough, bl-isem David Attenborough: A Life on Our Planet. Dan il-film huwa dokumentarju dwar l-emerġenza tat-tibdil fil-klima.