Il-Prinċep George “jinħatar” Re ta’ Londra

Għad għandu biss tminn ġimgħat, imma diġà qed jitqies bħala “Ir-Re ta’ Londra”.  Qed nitkellmu dwar il-Prinċep George Alexander Louis ta’ Cambridge, l-ewwel wild ta’ William u Kate, u t-tielet persuna fil-lista biex jitla’ fuq it-tron tal-familja rjali Ingliża.

George, li twieled fit-22 ta’ Lulju li għadda, qabeż lil kulħadd u jinsab fl-ewwel post tal-klassifika tal-aktar 1,000 persuna influwenti u importanti ta’ Londra, ppubblikata minn Evening Standard.

It-twelid ta’ George jidher li ħalla impatt qawwi fuq iċ-ċittadini tal-kapitali Ingliża hekk kif George rnexxielu jgħaddi lis-Sindku Boris Johnson u anke l-Prim Ministru David Cameron.

Il-ġurija vvutaw lil Prinċep George għax ħassew li "sar l-ikbar ambaxxatur ta’ Londra".

L-editriċi ta’ Evening Standard qalet li “Londra hija kalamita għat-turiżmu u ċ-ċkejken George huwa l-iktar attrazzjoni turistika mfittxija fil-belt”.

Fil-lista tal-iktar persuni influwenti f’Londra hemm ukoll it-tennist Andy Murray, l-Arċisqof ta’ Canterbury Justin Welby, il-mudella Cara Delevingne, u ovvjament ir-Reġina Eliżabetta II, in-neputijiet William u Harry u anke Kate Middleton.