Il-Prinċep Charles sejjer il-Ġappun għaċ-ċerimonja tal-imperatur il-ġdid

Ritratt: Dan Marsh

Il-Prinċep ta’ Wales se jmur il-Ġappun għal jumejn biex jattendi għaċ-ċerimonja ta’ meta l-Imperatur Ġappuniż Naruhito uffiċjalment jitla’ t-tron tal-pajjiż. Hu se jieħu post ir-Reġina Eliżabetta II fi żjara uffiċjali fit-22 u t-23 ta’ Ottubru. Għaċ-ċerimonja se jkunu preżenti eluf ta’ mistednin, fosthom persuni rjali u dinjitarji ta’ pajjiżi differenti.

Il-Prinċep Charles diġà mar il-Ġappun erba’ darbiet, l-aħħar darba fl-2008. Hu kien preżenti wkoll mal-Prinċipessa Diana meta l-Imperatur Akihito, missier Naruhito, tela’ t-tron fl-1990.

L-Imperatur Naruhito, li għandu 59 sena, wiret it-tron meta missieru abdikah f’Mejju li għadda. Dakinhar Natuhito, missier ta’ wieħed, li hu miżżewweġ lill-Imperatriċi Masako, kien qal li sinċerament jitlob għall-ferħ tal-poplu u li jiżviluppa aktar il-Ġappun kif ukoll jittama għall-paċi fid-dinja.

Jingħad li Masako, meta għalqet 55 sena is-sena l-oħra, qalet li ma kinitx tħossha sew  mill-futur tagħha bħala imperatriċi u kienet se tagħmel sforz kbir għall-kuntentizza tal-poplu Ġappuniż. Dik il-ħabta kienet għaddejja minn xi kundizzjoni medika minħabba l-istress li kienet għaddejja minnu.