Il-Prinċep Andrew jiċħad li kellu x’jaqsam ma’ tfajla ta’ 17-il sena

Il-Prinċep Andrew, li huwa wkoll id-Duka ta’ York, ċaħad li fl-2001 kellu x’jaqsam sesswalment ma’ tfajla ta’ 17-il sena.

Dan wara li Virginia Guiffre allegat li kienet iltaqgħet mal-Prinċep f’bar u li ħadha ġo dar f’Londra. Hija sostniet li kellu x’jaqsam magħha tliet darbiet.

Din il-kwistjoni ggravat wara li ġie żvelat li l-Prinċep kellu rabtiet ma’ Jeffrey Epstein, li nstab ħati fuq abbuż sesswali ta’ tfal. Epstein wettaq suwiċidju f’Awwissu li għadda, waqt li kien qiegħed f’ċella l-ħabs jistenna li jidher quddiem il-Qorti fuq akkużi ta’ traffikar tas-sess. 

Ritratt li ġie ċċirkolat allegatament juri lill-Prinċep Andrew jżomm lil Virginia minn qaddha, fiż-żmien li kien allegat li seħħ il-każ.

Minn naħa l-oħra, f’intervista mal-BBC, id-Duka stqarr li dakinhar kien qiegħed jiekol pizza mat-tifla tiegħu.