Mexxejja tal-Knisja mil-Lvant Nofsani il-ġimgħa li għaddiet inġabru għal servizz fil-Kattidral ta’ Westminster li għalih attenda wkoll il-Prinċep ta’ Wales li hu l-eredi tat-Tron tal-Ingilterra.
Waqt din il-laqgħa il-Prinċep Karlu faħħar il-kuraġġ u l-fidi tal-insara persegwitati madwar id-dinja kollha.
F’diskors qasir li għamel il-Prinċep Karlu qal li ma nistgħux ħlief nirringrazzjaw il-qawwa tal-fidi li biha tant insara qed isofru l-persekuzzjoni, liema fidi tagħtihom il-kuraġġ u d-determinazzjoni biex jissaportu u jirbħu.
Huwa żied jgħid li aktar kmieni din is-sena kellu l-pjaċir li jiltaqa’ ma’ Soru Dumnikana mill-Pjanura ta’ Nineveh fl-Iraq, li fl-2014 waqt li l-ISIS kienu qed joqorbu lejn il-belt fejn kienet hi, sabet il-kuraġġ biex qabdet minibus mimlija bl-insara sħabha u telqet bihom f’post sigur biex teħlishom mill-periklu.
Fil-fatt wara d-diskors tal-Prinċep Karlu, is-Soru Dumnikana mill-Iraq, Sr. Nazak Matty, stqarret kif hi reġgħet irritornat f’Nineveh biex tgħin fil-bini mill-ġdid tal-komunitajiet insara.
L-Arċisqof ta’ Canterbury, Justin Welby tkellem dwar il-persekuzzjoni tal-insara fil-Lvant Nofsani. “Meta l-Knisja ta’ Kristu tkun attakkata, dan hu attakk fuq Kristu nnifsu – meta xi parti mill-Knisja ssofri, aħna nsofru magħha imma d-distanza u l-injoranza jtaffulna l-weġgħat li suppost inħossu.”
Għal dan is-servizz attendew Isqfijiet Kattoliċi u mexxejja ta’ reliġjonijiet oħra li waslu mill-Iraq, is-Sirja, Isarel, il-Palestina, ilLebanon, l-Eġittu u minn pajjiżi tal-Golf.
Ta’ min jgħid li l-organiżazzjoni Kattolika, Aid to Church in Need, fil-ħidma tagħha tagħti prijorità lil-Lvant Nofsani li għen fil-preparazzjoni għal din il-laqgħa li saret f’Londra.
Din l-organiżazzjoni qed tagħti għajnuna ta’ emerġenza u għajnuna pastorali, tibgħat ikel, mediċini u toffri postijiet ta’ kenn kif ukoll issewwi djar, knejjes u ssostni lis-saċerdoti u s-sorijiet li jaħdmu fil-Lvant Nofsani fejn toffri wkoll edukazzjoni nisranija.