Il-PM Irlandiż se jippressa lill-Papa dwar familji tal-istess sess

Il-Prim Ministru Irlandiż Leo Varadkar ħerqan li jiltaqa' mal-Papa Franġisku

Il-Prim Ministru Irlandiż Leo Varadkar qal li meta l-Papa se jżur l-Irlanda għal-Laqgħa Internazzjonali tal-Familji aktar tard dan ix-xahar, se jgħid li l-familji ffurmati minn koppji tal-istess sess huma daqs familji tradizzjonali.

Il-Papa Franġisku u Varadkar mistennija jiltaqgħu fil-Kastell ta’ Dublin waqt li l-Papa jkun qed iżur l-Irlanda.

Mistoqsi mill-ġurnalisti x’se jgħid lill-Papa, il-Prim Ministru Irlandiż qal li se jesprimi “l-veduta tagħna bħala soċjetà u bħala Gvern, li l-familji huma ta’ diversi tipi u forom u dawn jinkludu familji mmexxija minn ġenituri tal-istess sess.”

Il-Prim Ministru qal li kien ferħan ħafna li l-Papa se jżur pajjiżu iżda ma kienx ċert bid-dettalji tal-laqgħa ta’ bejniethom.

“Il-laqgħa fil-Kastell ta’ Dublin tista’ tkun waħda qasira, imma qabel kollox irrid nagħtih merħba fl-Irlanda u jekk tinħoloq l-opportunità, nixtieq nesprimi miegħu l-veru tħassib tal-poplu Irlandiż b’relazzjoni mal-legat tal-passat u fuq kwistjonijiet bħalma huma l-involviment tal-Knisja fil-Magdalene Laundries – istituzzjonijiet għan-nisa mġarrba mmexxija minn istituzzjonijiet tal-Knisja, id-djar tal-ommijiet u t-trabi u l-abbużi sesswali u fiżiċi.

Il-Ministru Irlandiż għat-Tfal qal li jrid jgħid lill-Papa li hu żbaljat meta jgħid li l-koppji eterosesswali biss jistgħu jiffurmaw familji veri. Il-Ministru tal-Kultura qal li se jgħid lill-Papa biex ineħħi ċ-ċelibat tas-saċerdoti.

Il-Ministru għas-Saħħa attakka t-tagħlim tal-Knisja dwar il-kontraċezzjoni u qal li l-“Knisja mhux se tiddeċiedi aktar  dwar il-poliika Soċjali u tas-Saħħa tal-pajjiż.