​“Il-Prim Ministru u l-Gvern għandhom iwarrbu” – MEP

“Il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Gvern tiegħu għandhom jirriżenjaw għax irid jew ma jridx il-mewt tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia hi marbuta miegħu”.
Hekk qalet f’intervista ma’ Newsbook.com.mt l-Ewroparlamentari Rumena Monica Macovei, li kienet Malta fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet.
Kompliet tgħid li Caruana Galizia għamlet allegazzjonijiet fil-konfront ta’ mart il-Prim Ministru u li għaldaqstant dan marbut dirett miegħu. Insistiet li l-unika triq li baqagħlu hi li jirriżenja.
Irrimarkat li l-Kummissarju tal-Pulizija jew min hu responsabbli minnu kellu jiġi mkeċċi fl-istess jum li ġara l-assassinju brutali.
Macovei ġabet diversi eżempji, fosthom fir-Rumanija stess meta kien hemm nar f’diskoteka u mietu ammont ta’ żgħażagħ. Spjegat kif dakinhar ir-Rumeni pprotestaw u waqa’ l-Gvern.
Semmiet ukoll kif fil-bidu ta’ din is-sena, il-Gvern Rumen ipprova jbiddel artiklu fil-kodiċi kriminali li kien se jgħin biex il-Kap tal-Partit Laburista fir-Rumanija jaħrab mill-Ġustizzja. Macovei spjegat kif dan wassal għall-protesti u r-riżenja tal-Prim Ministru. 
Ġabet eżempji mir-Renju Unit, meta politiċi rriżenjaw minn ministri jew mill-parlament wara li l-midja kixfet li flus intużaw biex inxtraw affarijiet personali.
Monica Macovei saħqet li dan mhux komparabbli ma’ dak li qed jiġri f’Malta, hekk kif f’diversi pajjiżi, ir-riżenji jsiru fuq affarijiet inqas traġiċi minn qtil ta’ ġurnalista investigattiva.  
Tista' taqra l-intervista sħiħa hawn taħt.