Il-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka jżur Malta

Illum il-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka, Andrej Babiš se jkun qed jagħmel iż-żjara uffiċjali tiegħu f’Malta. Matulha se jkollu taħdidiet f’Kastilja mal-Prim Ministru Joseph Muscat.

Fost l-attivitajiet ippjanati għall-ġurnata se jkun hemm konferenza tal-aħbarijiet indirizzata miż-żewġ Prim Ministri segwita billi jagħtu ġieħ lill-eks President tar-Repubblika Ċeka Václav Havel fil-ġonna ta’ Hastings. Hu se jkun qed iżur ukoll il-bażi tal-Iskwadra Marittima u tal-Ajru tal-Forzi Armati ta’ Malta.

Il-popolarita ta’ Babiš fir-Repubblika Ċeka kienet ħadet spinta fl-2011 meta beda jitkellem b’mod sħiħ kontra l-korruzzjoni u beda l-moviment Action for Dissatisfied Citizens. Il-moviment irċieva kważi miljun vot fl-elezzjonijiet tal-2013, li kien numru rekord ta’ voti li qatt irċieva moviment ġdid f’elezzjoni.