Il-PM Taljan jirrifjuta s-sejħa ta’ negozji Taljani biex itaffi l-miżuri tal-lockdown

FILE PHOTO: REUTERS/Piroschka van de Wouw

Read in English.

Il-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte nhar l-Erbgħa qal li l-Italja se żżomm il-miżuri stretti ta’ lockdown li huma fis-seħħ bħalissa biex tiġi kkontrollata l-imxija tal-epidemija tal-COVID-19, filwaqt li rrifjuta s-sejħa ta’ negozjanti biex jerġgħu jinfetħu l-fabbriki.

“Ix-xjentisti għadhom qed javżaw li m’għandniex intaffu l-miżuri restrittivi,” Conte qal f’intervista lill-gażżetta Ġermaniża Bild, skont audio files rilaxxati lill-istampa.

Il-Premjer qal li jħossu kunfidenti li jekk it-Taljani jibqgħu jirrispettaw ir-restrizzjonijiet tal-gvern fuq l-impjieg u ċ-ċaqliq ta’ persuni, id-data relatata ma’ infezzjonijiet u mwiet ġodda se tibqa’ titjieb, “imma se jkollna nkomplu b’dan ir-ritmu strett.”

Nhar l-Erbgħa l-Aġenzija tal-Protezzjoni Ċivili rrappurtat li ċ-ċifra globali ta’ kuljum ta’ mwiet fl-Italja kienet naqset mill-ġurnata ta’ qabel, imma r-rata ta’ infezzjonijiet ġodda żdiedet. L-Italja huwa l-pajjiż bl-ogħla rata ta’ mwiet fid-dinja.

In-negozji fil-qalba industrijali fit-Tramuntana tal-pajjiż qed iħeġġu lill-gvern biex iħallihom jerġgħu jiftħu l-bibien tagħhom il-ġimgħa d-dieħla, għalkemm din iż-żona hija dik li ntlaqtet l-agħar mill-coronavirus. Diversi fergħat lokali tal-lobby tal-impjegaturi Confindustria li jirrappreżenta l-erba’ reġjuni tat-Tramuntana – il-Lombardija, il-Veneto, il-Piemonte u l-Emilia-Romagna – talbu lill-gvern biex jistabbilixxi pjan direzzjonali ħalli n-negozji jerġgħu jiftħu għax-xogħol.

“Qed nirriskjaw li l-pajjiż jitfi l-mutur ekonomiku b’mod permanenti, u kull jum li jgħaddi jirrappreżenta riskju akbar li mhux se nkunu nistgħu nerġgħu nibdew bil-ħidma tagħna,” qalu l-industrijalisti fir-reġjun li jirrappreżentaw 45% tar-rendiment ekonomiku tal-Italja.

“L-estensjoni tal-lockdown tfisser li se nibqgħu mingħajr produzzjoni, nitilfu l-klijenti, ir-relazzjonijiet internazzjonali u d-dħul, u dan ifisser li l-kumpaniji tagħna mhux se jkunu jistgħu jħallsu l-pagi tal-ħaddiema tagħhom ix-xahar id-dieħel,” iddikjaraw il-fergħat ta’ Confindustria f’ittra konġunta. 

Madankollu, wara l-pubblikazzjoni tal-aħħar data nhar l-Erbgħa, l-ogħla uffiċjali tas-saħħa saħqu mal-gvern biex jirreżisti l-pressjoni. “It-tendenza tal-kurva tal-epidemija mhix qed tonqos imma qed tnaqqas il-veloċità, qed inħarsu lejn plateau.” Dan kien il-kliem ta’ Ranieri Guerra, uffiċjal Taljan tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa lill-ġurnalisti.

Guerra, li huwa membru f’kumitat ta’ esperti li jagħtu pariri lill-gvern, avża li għad hemm grupp ta’ persuni kuntaġġjużi mingħajr sintomi, u sakemm ma jkun hemm tnaqqis ċar fl-infezzjonijiet ma jkunx għaqli li jkun hemm tnaqqis fil-miżuri tal-lockdown.

“Ma naħsibx li l-gvern irid jipproċedi bil-ftuħ tan-negozji mingħajr ma jqis dan ir-riskju,” qal Guerra.

Il-Ministru għas-Saħħa Roberto Speranza qal li huwa jaqbel mal-“linja rigoruża u ta’ kawtela” stabbilita minn Guerra u l-kumitat tal-esperti.

L-Italja tinsab f’sitwazzjoni iddisprata minħabba li għandha l-ogħla rata ta’ mwiet minħabba l-coronavirus fid-dinja, kif ukoll ekonomija kronikament dgħajfa li kienet tinsab fuq il-punt ta’ reċessjoni qabel ma faqqa’ l-virus.

Il-prodott domestiku gross tagħha naqas bi 0.3% fl-aħħar tliet xhur tal-2019 meta mqabbel mat-tliet xhur ta’ qabel, u minħabba li issa bosta negozji jinsabu magħluqa, l-ekonomisti qed jistennew tnaqqis fil-PDG ta’ bejn 6% u 11% għal din is-sena.

L-Italja rreġistrat 542 mewta ġdida minħabba l-coronavirus nhar l-Erbgħa, biex b’hekk iċ-ċifra totali minn meta faqqa’ l-virus fil-21 ta’ Frar telgħat għal 17,669.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn