Il-Prim Ministru Spanjol ikeċċi l-Gvern Katalan

Il-Prim Ministru Spanjol Mariano Rajoy qed ikeċċi lill-Parlament tal-Katalunja u talab li jkun hemm elezzjonjiet bikrija.
Dan wara li l-Membri Parlamentari tal-Katalunja vvuttaw u ddikjaraw l-indipendenza.
Il-Prim Ministru Rajoy qal li kien bla preċedent, iżda neċċessarju li l-Gvern Spanjol jimponi direttament fuq il-Katalunja biex fi kliemu terġa’ tibda s-saltan in-normalità.
Fost affarijiet oħra, Rajoy keċċa lill-President tal-Katalunja, Carles Puidgdemont u l-kabinett tiegħu li mexxa r-referendum kontroversjali għall-indipendenza ta’ dan ir-reġjun.
Qabel sar ir-referendum, il-Qorti Kostituzzjonali Spanjola kienet iddikjarat ir-referendum bħala illegali u l-Gvern Spanjol kien qal ċar u tond li mhux se jirrikonoxxi r-riżultat.
Il-Gvern Katalan kien qal li mit-43% ta’ dawk li vvuttaw, 90% għażlu l-indipendenza filwaqt li l-maġġoranza li baqgħu d-dar għamlu hekk bi protesta kontra d-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali.