Il-Prim Ministru sodisfatt bl-andament tas-summit Ewropew

Il-Prim Ministru Dr Joseph Muscat qal li kien sodisfatt li kemm il-konkluzjonijiet tas-summit Ewropew fi Brussell kif ukoll il-programm elettorali tal-Partit Laburista għandhom diversi punti simili. Dawn jinkludu tnaqqis fil-burokrazija, inċentivi favur iż-żieda fil-parteċipazzjoni tan-nisa fid-dinja tax-xogħol, u żieda fir-rata ta’ żghazagh li jaħdmu.

Skont Dr Muscat, ir-riżultat ta’ dawn il-proposti simili kien biss grazzi għall-“attitudni ta’ sens komun”.

Il-Prim Ministru saħaq li fuq livell Ewropew, wieħed ma setax jaħdem b’miżuri ta’ awsterità biss, iżda li kellu jinħoloq bilanċ bejn l-investiment u r-riżultat.

Dr Muscat kompla jgħid li mhux possibli li jkun hemm nefqa bl-addoċċ iżda li l-investiment li jsir jkun immirat lejn dawk is-setturi li jwasslu għal tkabbir ekonomiku.

Mistoqsi dwar il-laqgħat tiegħu mal-mexxejja ta’ pajjiżi oħra, Muscat qal li ħassu “sorpriż b’mod pożittiv” għal kif ġie milqugħ mill-mexxejja barranin.

Skont Dr Muscat, dawn kienu infurmati sew dwar is-sitwazzjoni politika f’Malta. Kompla jgħid li kien hemm ukoll min bagħat iselli għall-eks Prim Ministru Dr Lawrence Gonzi, xi ħaga li Dr Muscat qal li għamel waqt telefonata li kellu ma’ Dr Gonzi.

Ritratti: Daniel Balzan minn Brussell