“Il-Prim Ministru sema’ l-karba tagħna” – mara li ġġarrfitilha darha

Janet Walker, waħda mir-residenti li ġġarrfitilhom darhom fi Gwardamanġa, qalet li l-Prim Ministru Robert Abela sema’ l-karba tagħhom peress li ltaqa’ magħhom.

Walker xerrdet ritratt tal-familja tagħha flimkien mal-Prim Ministru ġol-Berġa ta’ Kastilja.

F’Ġunju li għadda, minħabba xogħol ta’ kostruzzjoni li kien għaddej maġenbhom, Janet u għadd ta’ residenti fil-blokka tagħha spiċċaw bla saqaf fuq rashom peress li bdiet tiġġarraf darhom. Dan ma kienx l-ewwel każ tax-xorta tiegħu peress li diġà kien hemm każijiet simili fil-Mellieħa u f’Tal-Pietà.

Ir-residenti ngħataw post temporanju fejn joqogħdu mingħand l-Awtorità tad-Djar, iżda minkejja dan, huma ma rċivew l-ebda aħbar dwar darhom, u x-xogħol ta’ kostruzzjoni baqa’ għaddej.

Baqgħu jippersistu u jiktbu fuq il-midja soċjali li jridu jingħataw widen, u li trid tinstab soluzzjoni għall-kostruzzjoni bla rażan. Janet stqarret li tħobb ħafna l-ikel iżda lesta tagħmel strajk tal-ġuħ. Jidher li issa, il-Prim Ministru Robert Abela stieden lin-nies kollha tal-blokka ta’ Janet għal laqgħa biex jiddiskutu s-sitwazzjoni tagħhom. Janet dan sejħitlu “l-ewwel pass.”

Ma’ Newsbook.com.mt hija stqarret li Abela kien diġà għenha f’Ġunju, meta kien għadu mhux Prim Ministru, peress li permezz tal-għajnuna tiegħu, hi u r-residenti l-oħra fil-blokka tagħha tħallew jidħlu ġo darhom għal għaxar minuti biex jiġbru xi affarijiet. Hi kellha bżonn il-passaport peress li kienet se ssiefer.