Il-Prim Ministru se jżur l-Alġerija u d-Dubai fil-ġimagħtejn li ġejjijn

Il-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar li fil-ġimgħatejn li ġejjin se jżur l-Alġerija u d-Dubai biex iġib aktar xogħol f’Malta.
Waqt li kien qed jagħmel id-diskors tiegħu fiċ-Ċentru Laburista tal-Fgura, il-Prim Minsitru tenna li għalkemm l-Oppożizzjoni tgħid li hu salesman, hu kburi li jippromwovi lil Malta milli jippromwovi l-gideb u l-firda.
Ftaħar bix-xogħol li għamel dan il-Gvern biex jistabbilixxi kuntatt sod maċ-Ċina biex dan il-pajjiż jinvesti iktar f’Malta.
Saħaq li l-Gvern Laburista wettaq bidla fil-pajjiż mhux billi jsir infieq bl-addoċċ imma billi jinħoloq il-ġid.
Joseph Muscat tenna’ dak li qal Simon Busuttil li l-ġid irid jitqassam b’mod ġust.
Joseph Muscat qal li kieku biex tnaqqas id-defiċit għamilna bħal pajjiżi oħra kien ikun hawn ħafna nies bla xogħol. Kuntrarju għal dan il-qagħad f’Malta naqas b’2,250 persuna filwaqt li taħt Gvern Nazzjonalista l-qagħad żdied b’elf persuna.
Il-Prim Ministru qal li għalkemm l-Oppożizzjoni tikkritika l-Gvern minħabba li l-infiq tal-Gvern żdied, hu kburi għax żdiedet in-nefqa fl-edukazzjoni, fis-saħħa u fuq l-anzjani.
“10,000 persuna li jaħdmu fil-qasam kreattiv jew tal-kultura.” Dr. Muscat qal li dan il-Gvern irnexxielu jżid in-nefqa fil-kultura bi 30%.
Dwar id-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni, il-Prim Ministru qal li  Simon Busuttil ma semma xejn pożittiv u baqa’ jkun negattiv.
Il-Gvern se jkompli jieħu azzjonijiet kontra min qed jabbuża mis-servizzi soċjali. Joseph Muscat qal li dan se jsir anki jekk itellef il-voti lill-Partit Laburista.
Reazzjoni PN
F’reazzjoni l-Partit Nazzjonalista qal li minflok ma jkun umli u jammetti li l-kontijiet tad-dawl u l-ilma jistgħu jorħsu kif qed jinsistu l-korpi kostitwiti, Joseph Muscat baqa’ jwebbes rasu u jattakka lil kull min ma jaqbilx miegħu.
Dalgħodu, Muscat reġa’ ftaħar li se jmur jagħmilha ta’ salesman l-Alġerija. Flok jagħmilha ta’ salesman, Muscat għandu jwieġeb il-mistoqsijiet leġittimi li qed isiru dwar l-iskandlu tal-visas lill-Alġerin, wara li din il-ġimgħa ġie żvelat li f’sena u nofs, inħarġu kważi 7,000 visa lill-persuni mill-Alġerija.