Il-Prim Ministru se jżur ir-Russja

Il-Prim Ministru se jżur ir-Russja iktar tard din is-sena.
Dan qalu l-Ministru għall-Affarijiet Barranin George Vella fi tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari tad-Deputat Laburista Anthony Agius Decelis.
Vella fisser li ż-żjara se tkun qed isseħħ kemm biex jiġu diskussi temi bilaterali u multilaterali ta’ interess komuni, bħas-sitwazzjoni fil-Libja, il-Mediterran u l-Lvant Nofsani, l-Ukrajna, kif ukoll ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa, dan fid-dawl tal-fatt li ż-żjara se ssir ftit qabel il-Presidenza ta’ Malta tal-Unjoni Ewropea fil-bidu tas-sena d-dieħla.
Il-Prim Ministru se jkun akkumpanjat mill-istess Ministru għall-Affarijiet Barranin.
Fit-tweġiba tiegħu, Vella qal li fit-tliet snin li għaddew il-Gvern leħaq diversi ftehim mal-Federazzjoni Russa fosthom dwar it-taxxa doppja, ħlasijiet pendenti mir-Russja u kollaborazzjoni fil-qasam tas-saħħa.