Filmat: Il-PM iħabbar reshuffle fil-Kabinett

Il-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar li Konrad Mizzi se jitneħħewlu l-portafolli tal-enerġija u tas-saħħa.
Madankollu Konrad Mizzi xorta se jibqa’ Ministru u se jkun qed iwettaq xogħlijiet partikolari kif ordnat mill-Prim Ministru.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li għalkemm it-tax audits għadhom mhux kompluti, xorta se jieħu d-deċiżjonijiet.
Il-Prim Ministru se jkun il-Ministru responsabbli mill-Enerġija u Konrad Mizzi jrid iwettaq il-prijoritajiet f'dan il-qasam.
Joseph Muscat ħatar lil Chris Fearne Ministru tas-Saħħa.
Konrad Mizzi se jirreżenja wkoll minn Deputat Mexxej tal-Partit Laburista u se tinħatar persuna oħra f’din il-kariga.
Dwar Keith Schembri, iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Dr Muscat qal li din il-kariga hija għażla tiegħu.
Keith Schembri se jkompli jmexxi t-tim tal-PM bħala Chief of Staff. Iddeskrivih bħala persuna li għandha l-fiduċja tiegħu.
Leo Brincat se jirreżenja minn Ministru u se jkun nominat fil-Qorti tal-Awdituri.
Jose Herrera se jinħatar Ministru tal-Ambjent u Żvilupp Sostenibbli.
Manuel Mallia se jirritorna fil-Kabinett bħala Ministru tal-Kompetittività.
Muscat qal li n-numru tal-Kabinett se jibqa’ l-istess.
Il-Prim Ministru qal li fil-każ tal-Panama ħadd ma allega li saret xi ħaġa illegali u li ma kienx hemm flus involuti.
Qal li dan jagħtih kunfidenza li ma għandux itawwal aktar u li r-rapporti tat-tax audits xorta għandhom jiġu ppubblikati hekk kif ikunu lesti.
Mistoqsi dwar Toni Abela, Muscat qal li  għandu possibiltajiet kbar quddiemu bħala rappreżentant tal-poplu.
Reazzjonijiet:
Fi tweet ilKap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qal li aktar ma jinbidlu l-affarijeit, iktar jibqgħu l-istess.
Min-naħa tiegħu l-ko-fundatur tal-Front Ħarsien ODZ Michael Briguglio kiteb li s-soċjetà ċivili mhux se tiġi mqarqa b’din il-farsa.
Il-viċi Chairman tal-Alternattiva Demokratika Carmel Cacopardo qal li Joseph Muscat irriċikla lil Mizzi u lil Mallia.
Id-Deputat Indipendenti Marlene Farrugia kitbet fuq is-sit soċjali Facebook staqsiet min verament qiegħed imexxi lil Malta.