Miniso jiftaħ f’Malta

Prime Minister Robert Abela inaugurates Miniso Retail Outlet Tagliaferro Centre, High Street, Sliema
Prime Minister Robert Abela inaugurates Miniso Retail Outlet Tagliaferro Centre, High Street, Sliema

Read in English.

Il-Prim Ministru Robert Abela, akkumpanjat mill-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar Silvio Schembri, inawguraw uffiċjalment investiment tal-Grupp JB f’linja ta’ ħwienet internazzjonali Miniso. Il-Grupp JB iħaddem madwar 250 ruħ u fiż-żmien li ġej huwa maħsub li se jimpjega aktar ħaddiema sabiex jaħdmu fl-operazzjonijiet kummerċjali kollha tal-grupp.

Id-ditta internazzjonali Miniso tispeċjalizza fis-settur tal-wholesale u retail modern li hija tal-ewwel tax-xorta tagħha f’pajjiżna. Din il-linja famuża ta’ ħwienet għandha madwar 3,900 stabbiliment imferrxin mad-dinja kollha u l-pass li jmiss kien il-ftuħ ta’ stabbiliment f’pajjiżna b’għażla mill-isbaħ, unika u moderna għall-konsumatur Malti. Il-Prim Ministru awgura kull suċċess lill-Grupp JB u lill-ħaddiema kollha li se jkunu qed joperaw minn dan il-ħanut.

Huwa wera s-sodisfazzjon tiegħu li dan il-grupp mhux biss qiegħed ikompli jkabbar u jimraħ fin-negozju tiegħu, iżda se jkompli jżid aktar ħaddiema. Il-Prim Ministru Abela qal li huwa kruċjali li f’dan is-settur tar-retail dejjem ikun hemm ħwienet li joffru prodotti ta’ kwalità.

Innota li s-sena li għaddiet il-konsum f’Malta laħaq iċ-ċifra rekord ta’ €8 biljun u żied jgħid li mill-2013 ‘l hawn kull jumejn kellna żieda ta’ tliet kumpaniji fil-qasam tal-wholesale u retail, jiġifieri kuljum inkluż il-Ħdud u festi fetaħ aktar minn ħanut wieħed bħala medja. Il-Prim Ministru temm jgħid li “l-ftuħ tal-lum huwa turija ta’ fiduċja fil-pajjiż. M’għandix dubju li l-pajjiż se jkun qed irodd din il-fiduċja f’aktar għajnuna u konsum mill-konsumaturi.” 

Id-Direttur Maniġerjali tal-Grupp JB Chris Sant qal li l-grupp qiegħed jinvesti madwar €5 miljun fi proġetti li hemm ippjanati għaż-żmien li ġej; partikolarment bil-ftuħ ta’ iżjed stabbilimenti madwar il-pajjiż kollu. Qal li dan l-investiment se jsarraf b’mod dirett fir-riżors uman billi jiżdiedu l-impjiegi hekk kif fl-aħħar erba’ snin, il-kumpanija żiedet it-total tal-impjegati tagħha b’70 ruħ.  

Huwa ħabbar ukoll li fil-futur qrib, JB Group se żżid 20 persuna oħra b’effett immedjat. Is-Sur Sant qal li jinsab fiduċjuż li bħalma “gawdejna s-suċċess fil-passat, se nkomplu ngawduh fil-futur, kemm f’investimenti preżenti, kif ukoll f’dawk futuri. Nixtieq nirringrazzja lill-klijienti u ħaddiema tagħna li dejjem urew appoġġ u leatlà lejna bħala familja fin-negozju, u li mxew magħna ma’ kull pass li ħadna”.

Din l-informazzjoni twasslet mid-Dipartiment tal-Informazzjoni.