Aġġornata(3) bil-filmat: KAŻ EGRANT: “Il-post tat-twelid ta’ marti huwa żbaljat” – il-PM; DCG tirribatti

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li hemm diversi żbalji fit-traskrizzjoni tad-Declarations of Trust li ħarġet ilbieraħ Daphne Caruana Galizia. Iżda l-ġurnalista qalet li dan mhux veru anzi b'dak li qed jgħid dwar il-każ Egrant, il-Prim Ministru qed iwaqqa' l-ġebla fuq saqajh.
Fejn twieldet il-mara tal-Prim Ministru?
Waqt li kien qed iwieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti, il-Prim Ministru qal li l-post tat-twelid fuq iċ-ċertifikat tat-twelid ta’ martu Michelle Muscat huwa Ħ’Attard, u mhux ir-Rabat kif hemm indikat fit-traskrizzjoni. Huwa żied jgħid li r-Rabat ittieħed mill-karta ta’ l-identità.
B’reazzjoni għall-kummenti tal-Prim Ministru, il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia qalet li kull kitba legali tittieħed minn dokument uffiċjali tal-identità u mhux minn dak li jgħid l-individwu. Għalhekk jekk fuq il-karta tal-identita ta’ Michelle Muscat jissemma r-Rabat allura fid-dokumenti uffiċjali jitniżżel ir-Rabat.
"L-informazzjoni ittieħdet minn database oħra"
Joseph Muscat sostna li l-individwu li għamel din it-traskrizzjoni u ffalsifika d-dokument, ħa l-informazzjoni mid-database tal-Konsorzju Internazzjonali tal-Ġurnalisti Investigattivi, l-ICIJ.”
Semma kif tkellem ukoll ma’ esperti li qalulu li dikjarazzjonijiet bħal dawn, ġeneralment juru l-indirizz reġistrat tal-kumpanija, u mhux dak ta’ xi intermedjarju kif jidher fit-traskrizzjoni.
Kompla jgħid li l-istess esperti raw stramb il-fatt kif fit-traskrizzjoni m’hemmx inkluż in-numru tal-karta tal-identità jew in-numru tal-passaport tal-mara tiegħu.
Il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia qalet li  f’dokumenti bħal dawk li ġabet hi, tidher biss il-firma tal-isem fuq min qegħdin l-ishma, u mhux tal-propjetarju tagħhom. DCG żiedet tgħid li d-dokument seta’ sar mingħajr ma’ Michelle Muscat kienet taf.
Daphne Caruana Galizia tispjega dwar is-safe
Caruana Galizia sostniet mill-ġdid li f’Marzu tas-sena l-oħra, meta ittieħdet l-inofrmazzjoni mill-Bank Pilatus, is-safe inkwistjoni kien jinsab fil-kċina wara li tneħħa mill-uffiċċju tal-Kap Eżekuttiv tal-Bank. Staqsiet li jekk illum, 13–il xahar wara, is-safe m’għadux hemm, għaliex tneħħa.
Il-Prim Minstru ma jweġibx dwar id-dewmien min-naħa tal-Kummissarju tal-Pulizija 
Il-Prim Ministru naqas milli jikkummenta għall-mistoqsijiet dwar id-dewmien tal-Kummissarju tal-Pulizija biex iniedi l-investigazzjoni tiegħu. 
X'kienu l-ewwel żviluppi ta' dalgħodu?
Dalgħodu l-Prim Ministru Joseph Muscat u martu Michelle telgħu jixhdu l-Qorti quddiem l-inkjesta maġisterjali li ordna li ssir huwa stess, b’rabta mal-allegazzjonijiet li qed isiru fil-konfront ta’ martu dwar il-każ tal-kumpanija Egrant.
L-ewwel kummenti tal-PM wara li hu u martu xehdu fil-Qorti
F’kummenti li ta xħin ħareġ mill-Qorti dalgħodu, il-Prim Ministru qal li huwa u martu taw ix-xhieda biex inaddfu isimhom “mill-gideb u l-kalunji” li saru fil-konfront tagħhom.  
Qal li huwa u martu dehru quddiem il-Maġistrat fejn ipprovdew l-informazzjoni kollha li ntalbu. Sostna li hu u martu taw il-verità kollha u jittama li l-proċess fil-qorti jitlesta mill-aktar fis sabiex jitnaddaf isimhom. L-inkjesta qed titmexxa mill-Maġistrat Aaron Bugeja.
Ftit wara l-Prim Ministru, waslu wkoll fil-Qorti l-Ministru bla Portafoll Konrad Mizzi kif ukoll iċ-Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Keith Schembri.
Iqattgħu sagħtejn jiddibattu dwar il-provi
Intant ilbieraħ il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil ħadu sehem f’dibattitu televiżiv fuq l-istazzjon nazzjonali li matulu d-diskussjoni ffokat għal diversi drabi fuq il-provi jew in-nuqqas tagħhom dwar dan il-każ.
Kien il-Prim Ministru stess li sfida lill-Kap tal-Oppożizzjoni biex jiltaqgħu f'dibattitu waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret ilbieraħ. Il-Kap tal-Oppożizzjoni aċċetta l-isfida ftit wara konferenza li fiha qal li l-Prim Ministru għandu jirriżenja biex inaddaf ismu.
Ilbieraħ filgħaxija ukoll, meta indirizza l-Konferenza Ġenerali Annwali tal-PL, il-Prim Ministru qal li "s-saħħa qiegħda fil-verità".
Il-każ beda jumejn ilu meta Caruana Galizia allegat li hemm dokumenti fis-safe tal-Bank Pilatus f’Ta Xbiex, li juru li l-ishma f’Egrant huma miżmuma minn rappreżentanti ta’ Mossack Fonseca f’isem “Mrs Michelle Muscat”.
Aqra aktar dwar kif żvolġa dan il-każ ilbieraħ billi tagħfas hawn.
Filmat: Il-kummenti li għamel dalgħodu l-Prim Ministru Joseph Muscat