“Il-Prim Ministru qed jigdeb meta jiddefendi l-kriżi li hemm f’Identity Malta” – Beppe Fenech Adami

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami qal li l-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici qed jigdbu meta jibqgħu jiddefendu l-kriżi li teżisti f’Identity Malta, f’dak li għandu x’jaqsam mal-ħruġ tal-karti tal-identità u d-dokumenti tal-voti.
F’konferenza tal-aħbarijiet, Dr Fenech Adami qal li riċerka li għamel il-Partit Nazzjonalista tikkonferma li hemm individwi li ngħataw żewġ karti tal-identità b’żewġ numri differenti, kif ukoll li hemm minnhom imniżżlin aktar minn darba fir-reġistru elettorali. Żied jgħid li dan ifisser li għandhom aktar minn vot wieħed fl-elezzjoni.
B’referenza għall-istqarrijiet tal-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici, Dr Fenech Adami qal li Dr Bonnici abdika mir-responsabbiltà ta’ Ministru u attakka lill-gazzetta li żvelat din il-kriżi.
Min-naħa tiegħu l-kandidat għall-elezzjoni ġenerali Hermann Schiavone fakkar li dan mhux l-ewwel każ li fih hemm involuta Identity Malta.
Huwa rrefera għall-każ ta’ korruzzjoni li fih hemm involut l-eks Teżorier tal-Partit Laburista Joe Sammut, li ttella’ l-Qorti akkużat b’korruzzjoni.
Żied jgħid li ma’ dan il-każ hemm l-iskandlu tal-visas lill-Alġerini kif ukoll il-permessi ta’ residenza lill-Libjani
“Beppe Fenech Adami qed jivvinta storja” – Owen Bonnici
Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici qal li Dr Fenech Adami qed jivvinta storja li ma teżistix, wara li tliet Imħallfin Emeriti kkonkludew li twaqqfet investigazzjonijiet dwar ħasil ta’ flus malli tfaċċa ismu.
Saħaq li huwa diġà ċaħad li hemm kriżi fis-sistema tal-ID cards u li ttieħed xi sample ta’ 300 ID cards.
Qal li fl-elezzjonijiet ġenerali l-Maltin biss jivvutaw u għalhekk meta Dr Fenech Adami jikkwota każijiet ta’ barranin li lanqas biss ikollhom ID card, ikun qed jagħmel dan biex iħawwad l-imħuħ u jattakka l-kredibilità ta’ aġenzija li qed tagħmel xogħol tajjeb f’dan is-settur.