Il-PM Norveġiża tindirizza t-tħassib tat-tfal

FILE PHOTO: Norway's Prime Minister Erna Solberg speaks during a joint news conference with German Chancellor Angela Merkel at the chancellery in Berlin, Germany, October 15, 2019. REUTERS/Michele Tantussi/File Photo

Nhar it-Tnejn li għadda l-Prim Ministru tan-Norveġja Erna Solberg, flimkien ma’ żewġ Ministri tal-Kabinett tagħha, iltaqgħu ma’ grupp ta’ tfal biex jirrispondu l-mistoqsijiet tagħhom dwar il-CoVid-19 u s-sitwazzjoni attwali fil-pajjiż. Din kienet it-tieni konferenza ta’ dan it-tip fi ftit ġranet, hekk kif il-ġimgħa l-oħra Mette Frederiksen, il-Prim Ministru tad-Danimarka, indirizzat ukoll il-mistoqsijiet tat-tfal Daniżi dwar din il-pandemija moderna.

L-iskejjel tan-Norveġja għalqu l-bibien tagħhom għal ġimagħtejn, u l-Jum Nazzjonali tal-pajjiż, li jiġi ċċelebrat fis-17 ta’ Mejju, tħassar. Mistoqsija kif qed tieħu ħsieb tagħha nnifisha, is-Sinjura Solberg irrispondiet li kienet qed tipprova torqod kemm tista’, kif ukoll tiekol ħafna bilberries — li huma iżgħar u itjeb minn blueberries — u tixrob il-meraq tagħhom.

Il-PM tan-Norveġja sostniet li l-biża’ huwa sentiment normali f’dawn iċ-ċirkostanzi, għaliex kulħadd qiegħed jinkwieta li jista’ jimrad, filwaqt li qed naffaċċjaw realtajiet ġodda. Meta t-tfal staqsew kif se jiċċelebraw għeluq sninhom, is-Sinjura Solberg irrispondiet, “Jekk xi ħadd minn sħabkom fil-klassi jagħlaq sninu, kulħadd għandu jċempel lil dik il-persuna u tkantawlha happy birthday!” Hi rrakkomandat ukoll li t-tfal jevitaw li jibqgħu mqajmin tard biex jilgħabu video games, biex ma jieklux ħafna ħelu u biex jibqgħu jsegwu l-istudji tagħhom mid-dar.

Din kienet waħda minn serje ta’ konferenzi stampa li l-Prim Ministru qed torganizza kuljum minn meta faqqgħet il-pandemija fin-Norveġja, u hi rċeviet tifħir għall-inizjattiva tagħha biex tindirizza lit-tfal u ż-żgħażagħ.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn