Il-Prim Ministru Malti u l-Emir tal-Qatar jiddiskutu r-relazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi

Waqt laqgħa li l-Prim Ministru Joseph Muscat kellu fi New York mal-Emir tal-Istat tal-Qatar, ġew diskussi opportunitajiet fejn iż-żewġ pajjiżi jistgħu jaħdmu flimkien.

Il-Prim Ministru Malti qal li l-investiment ta’ Malta fil-Qatar għandu jiffoka primarjament fil-qasam tal-enerġija, t-turiżmu u l-infrastruttura. Muscat kompla li l-Qatar, minn naħa tiegħu, għandu jiffoka fil-qasam tas-servizzi finanzjarji ta’ Malta li fil-futur se jkompli jissaħħaħ.

Dr Muscat fakkar ukoll kif waqt il-laqgħa li kellu kmieni din il-ġimgħa mal-Gulf Cooperation Council (GCC), kienet diskussa r-relazzjoni tal-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea u ma’ dawk membri fil-GCC sabiex in-negozju bejn iż-żewġ naħat ikun aktar faċli.

Din kienet l-ewwel laqgħa li l-Prim Ministru ltaqa’ mal-Emir il-ġdid wara li dan kien maħtur ftit tal-ġimgħat ilu.

Intant, fl-aħħar tal-laqgħa, t-tnejn li huma għamlu stedina lil xulxin biex iżuru liż-żewġ pajjiżi.

 

Ritratt – DOI: Omar Camilleri