“Il-Prim Ministru ma qalx kif se jtejjeb is-sistema tas-saħħa” – PN

Il-Partit Nazzjonalista sostna li l-Prim Ministru Joseph Muscat m'għandu l-ebda roadmap għal Malta. Fi stqarrija, b’referenza għall-intervista li Dr Muscat kellu dalgħodu fuq l-istazzjon tar-radju One, il-Partit Nazzjonalista sostna li l-Prim Ministru ma qalx kif se jtejjeb is-sistema tas-saħħa filwaqt li ntqal li minkejja li r-rapport li suppost qed isir b'mod imparzjali għadu mhux lest, il-Prim Ministru diġà qed jgħid li jaf x'fih. 

Il-Partit Nazzjonalista sostna li Dr Muscat ma weġibx jekk jaqbilx li r-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar ix-xiri taż-żejt għandux jiġi diskuss fil-Public Accounts Committee biex ikun hemm trasparenza u kontabbiltà.

Intqal li l-Prim Ministru ma qalx meta se jiftaħ il-Park tal-Familja f'Wied il-Għajn. L-istqarrija tgħid li l-Prim Ministru reġa' ħeba wara rapport kontradittorju għall-aħħar li jgħid li l-emissjonijiet li ħerġin mill-impjant ta' Sant'Antnin huma ta' riskju għall-familji, imma mhux ta' periklu għall-ħaddiema tal-istess impjant. Dan fl-istess ħin li Dr Muscat reġa' kkonferma li minn dejjem kien kontra dan il-proġett. 

Il-Partit Nazzjonalista kompla jgħid li l-Prim Ministru għadu ma fehemx li issa qiegħed imexxi l-Gvern u allura m’huwiex biżżejjed li jinħeba wara r-rapporti.