Il-Prim Ministru ma jittollerax lil min ma jaħsibhiex bħalu – Vassallo

Id-Deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo talab għat-tolleranza fil-konfront tiegħu min-naħa tal-Prim Ministru Joseph Muscat wara li fil-Parlament ivvota kontra l-abbozz ta’ liġi dwar il-vjolenza abbażi tal-Ġeneru u vjolenza domestika.
Fil-Parlament, Vassallo rrefera għal kumment li għamel il-Prim Ministru fuq il-mezzi soċjali meta permezz tat-Twitter qal li huwa allarmati kif membru tal-Oppożizzjoni jiġġustifika l-vot tiegħu kontra dan l-abbozz tal-liġi.
Id-deputat Nazzjonalista qal li hu kellu r-raġunijiet tiegħu għalfejn ivvota kif ivvota u stqarr li minkejja l-Prim Ministru prova jattakka l-kreddibilità tiegħu, bil-kumment tiegħu iktar saħħaħlu l-argumenti tiegħu. Huwa qal li min għandu għal qalbu l-liberaliżmu u l-ugwaljanza għandu juri tolleranza ma' min jaħsibha differenti minnu.
Meta kien qed jirreferi għal ruling li ta l-ispeaker tal-kamra Anglu Farrugia dwar l-Att tal-Protezzjoni tal-Embrijun, id-deputat Nazzjonalista qal li dan ir-ruling qed jagħtih raġun għax il-Prim Ministru m’għandux mandat elettorali biex jintroduċi l-gamete donation bħala parti mit-trattament tal-IVF.
Huwa stqarr li fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista hemm biss li l-Gvern se jkompli jsegwi l-aħħar avanzi teknoloġiċi fil-qasam tal-IVF iżda mkien ma tniżżlet l-introduzzjoni tal-gamete donation.
Id-deputat Nazzjonalista qal li l-Prim Ministru għamel il-pożizzjoni tiegħu ċara dwar il-gamete donation fi kwestonarju tal-MGRM li bagħtuh lil kull partit – biex jgħid x’jaħseb fuq il-gamete donation, u jgħid jekk jaqbilx magħha.
Madanakollu saħaq li dan l-istħarriġ ma jikkostitwix wegħda elettorali.
Il-Partit Labursita jgħid li Edwin Vassallo jivvota “bil-barka tal-Kap tal-Oppożizzjoni”.
Il-Partit Laburista kkundanna l-mod kif id-deputat Nazzjonalista ħa pożizzjoni kontra l-liġi li tiġġieled il-vjolenza domestika, fi kliemu “bil-barka tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia”.
Il-Partit Labusrista qal li b’din id-deċiżjoni il-Partit Nazzjonalista reġa’ deher maqsum.
Fi stqarrija, il-Partit Labusrista fakkar f’dak li qalu l-Ministru Helena Dalli u s-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli meta rreaġixxew għad-dibattitu parlamentari bil-Ministru Dalli tinnota t-tonalità differenti fil-Partit Nazzjonalista fejn deputati tkellmu b’mod differenti.