Il-Prim Ministru Libjan iħabbar li se jirreżenja s’Ottubru

Prime Minister Robert Abela and Prime Minister Fayez al-Sarraj - Hand shake - Auberge de Castille -6-7-2020

Read in English.

Il-Prim Ministru Libjan Fayez al-Sarraj ħabbar li fi ħsiebu jirreżenja sal-aħħar tax-xahar id-dieħel, deċiżjoni li tista’ twassal għal tensjonijiet politiċi ġodda fi Tripli fost sforzi biex tinstab soluzzjoni politika għall-kunflitt fil-pajjiż.

“Niddikjara x-xewqa sinċiera tiegħi li ngħaddi d-dmirijiet tiegħi lill-awtorità eżekuttiva li jmiss sal-aħħar ta’ Ottubru”, sostna al-Sarraj, li huwa rikonoxxut mill-komunità internazzjonali, f’diskors fuq ix-xandir.

Huwa rrefera għal diskussjonijiet immexxija min-Nazzjonijiet Magħquda fl-Iżvizzera, u sostna li sar progess biex jingħaqad il-pajjiż u jħejji għall-elezzjonijiet.

Sarraj imexxi l-Gvern tal-Għaqda Nazzjonali (GNA), ibbażat f’Tripli, filwaqt li l-Lvant tal-pajjiż u parti kbira min-Nofsinhar huwa kkontrollat mill-Armata Nazzjonali Libjana (LNA) ta’ Khalifa Haftar.

Dan il-kunflitt attira wkoll qawwiet internazzjonali u reġjonali, bl-Emirtati Għarab Magħquda, l-Eġittu u r-Russja jappoġġjaw l-LNA u t-Turkija lill-GNA.

Madankollu, iż-żewġ naħat huma ffurmati minn koalizzjonijiet mingħajr stabbiltà li jinsabu taħt pressjoni kbira wara li t-Turkija għenet lill-GNA timbotta lura l-attakki tal-LNA fuq Tripli f’Ġunju li għadda.

Skont Tarek Megerisi, espert politiku fil-Kunsill Ewropew dwar ir-Relazzjonijiet Barranin, din id-deċiżjoni se tagħti bidu għal aktar taqlib hekk kif kulħadd se jippożizzjona lilu nnifsu għal fażi li jmiss. Aktar minn hekk, huwa jemmen li b’din id-deċiżjoni, il-GNA u l-Libja tal-Punent se jiddgħajfu.

L-LNA ilha timblokka l-esportazzjoni ta’ enerġija sa minn Jannar, biex l-istat qed jiċċaħħad minn parti kbira mid-dħul tiegħu, fattur li kompla baxxa l-kwalità tal-ħajja u li qed iwassal għal protesti fi bliet ikkontrollati miż-żewġ naħat.

Fi Tripli, il-protesti żiedu t-tensjonijiet bejn Sarraj u l-Ministru tal-Intern Fathi Bashagha, li hu meqjus wieħed mill-aktar influwenti, u li kien ġie sospiż għal ftit żmien ix-xahar li għadda, qabel ma tpoġġa lura f’postu. It-tluq ta’ Serraj jista’ jwassal għal aktar ġlied intern fost politiċi ewlenin tal-GNA iżda wkoll bejn gruppi armati minn Tripli u dawk ta’ Misrata li huma leali lejn Bashagha.

Serraj ilu fit-tmexxija tal-GNA sa mit-twaqqif tiegħu fl-2015 bħala riżultat ta’ ftehim politiku appoġġjat min-Nazzjonijiet Uniti bl-għan li tinġieb għaqda u stabbiltà fil-Libja wara r-rivoluzzjoni tal-2011 li wasslet biex titkisser it-tmexxija ta’ Muammar Gaddafi.

Minkejja n-nuqqasijiet tal-Gvern tiegħu, huwa kien meqjus bħala persuna moderata li miegħu kemm ir-rappreżentanti tal-fazzjoni tal-Lvant kif ukoll imsieħba internazzjonali, kemm li jappoġġjawh kif ukoll dawk ta’ kontra, kienu komdi jiddiskutu miegħu.