Il-Prim Ministru Lawrence Gonzi dwar l-aħħar recording ta’ Toni Abela

Il-Prim Ministru Lawrence Gonzi qal li l-aħħar recording ta’ Toni Abela juri li l-Partit Laburista għadu l-istess.

Il-Prim Ministru qal dan meta kien qed jitkellem f’attività politika f’San Pawl il-Baħar. Huwa qal li l-każ tad-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Toni Abela juri li aktar ma jgħaddu l-jiem aktar qed joħroġ x’inhu l-veru Labour. Lawrence Gonzi qal li d-Deputat Mexxej Laburista jagħżel bejn pulizija Laburist u pulizija Nazzjonalist, u dan juri li mhux vera li Malta tagħna lkoll u l-Partit Laburista fl-Oppożizzjoni, lest jiddiskrimina bejn Laburisti u Nazzjonalisti, u wieħed jista’ jimmaġina x’jiġri meta fil-poter. Kompla jgħid li issa fejn x’aktarx hemm kwistjoni ta’ droga qed jirriżulta li ma ttieħdux passi dwar il-każ.

Il-Prim Ministru qal li dawk li għal xi raġuni jew oħra għadhom indeċiżi jekk jivvutawx għal Partit Nazzjonalista, qal li għandhom jiftakru li jekk issir għażla ħażina u jieħdu deċiżjoni żbaljata, ipoġġu lil pajjiż f’riskju serju u jinnewtralizzaw il-kisbiet li saru fl-aħħar snin.

Lawrence Gonzi qal li fil-ħames snin li għaddew il-Partit Nazzjonalista fil-gvern uża l-flus billi investa aktar fis-saħħa, bena skejjel ġodda, żied l-istipendju u ta aktar scholarships u qed iwiegħed ħames snin oħra ta’ progress, ħolqien ta’ impjiegi, aktar investiment fl-edukazzjoni u s-saħħa, Temm igħid li jekk fid-9 ta’ Marzu l-għażla tkun ħażina dak li kien fiż-żgur ma jibqgħax fiż-żgur.