Il-Prim Ministru jżur investiment ta’ €40 miljun mill-Westin Dragonara Resort

Ritratt: Reuben Piscopo

Read in English.

Il-Prim Ministru Robert Abela flimkien mal-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli ilbieraħ żaru l-Westin Dragonara Resort f’San Ġiljan li fl-aħħar xhur wettqet b’€40 miljun investiment f’rinovar estensiv.

Matul iż-żjara, il-General Manager tal-lukanda Michael Camilleri Kamsky, elenka l-ħidma infrastrutturali li saret biex il-lukanda ngħatat dehra mill-isbaħ u mill-aktar moderna.

Ir-rinovazzjoni f’diversi partijiet tal-lukanda fosthom fil-kmamar saret fuq kunċett li ħadem fuqu Lynne Hunt, disinjatur ewlieni bbażat f’LondraHuwa fassal id-disinji tiegħu fuq kuluri li jirriflettu dak li huwa Malti: il-lewn tal-ġebla tal-franka u l-baħar kaħlani tal-Mediterran.

Is-Sur Camilleri spjega li l-qofol tar-rinovazzjoni tal-lukanda saret fl-entratura tagħha li nbidlet mill-ġdid u bl-estensjoni tal-veranda li toffri veduti mill-isbaħ.

Huwa żied jgħid li l-Westin Dragonara Resort qiegħda fi stat ta’ livell tant tajjeb li tista’ titqies bħala post uniku ta’ lussu f’Malta.

“L-investiment ta’ €40 miljun flimkien mal-istandards għoljin ta’ servizz li t-tim tagħna huwa magħruf għalih, huma garanzija għall-mistednin li ż-żjara tagħhom se toffrilhom esperjenza aħjar minn meta waslu. Kull element ta’ rinovar ġie maħsub b’tali mod li jħalli lill-mistednin jirrilassaw f’varjetà ta’ ikel u xorb tal-aqwa kwalità,” qal is-Sur Camilleri Kamsky.

Waqt li daħal f’diversi kmamar li għadhom kemm ġew rinovati, il-Prim Ministru Robert Abela laqa’ l-investiment li sar li juri sinjal ta’ fiduċja fl-industrija turistika ta’ pajjiżna. Huwa ta ħajr ukoll lill-ħaddiema li jaħdmu fil-lukanda u fis-settur tal-ospitalità.

Min-naħa tagħha, il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli sostniet li dan l-investiment ta’ €40 miljun huwa importanti sabiex jitjieb il-prodott turistiku ta’ pajjiżna.

Fl-istess ħin irrikonoxxiet kemm kienet kruċjali l-assistenza finanzjarja li l-Gvern ta lill-ħaddiema u qalet li dan li kien fattur kruċjali biex il-ħaddiema ta’ din il-lukanda nżammu kollha fuq il-kotba tal-kumpanija.

Il-Ministru Farrugia Portelli żiedet tgħid li “llum għandna sitwazzjoni fejn din il-lukanda reġgħet qed topera b’numri inkoraġġanti b’okkupanza ta’ 40%.”

Din l-informazzjoni twasslet mid-Dipartiment tal-Informazzjoni.