Il-Prim Ministru Joseph Muscat jiltaqa’ mal-President tal-Botswana

Il-Prim Ministru Joseph Muscat iltaqa’ mal-President tal-Botswana Ian Khama, waqt żjara li qed jagħmel fil-kapitali tal-Botswana Gaborone sabiex bħala l-mexxej tal-pajjiż li se jieħu tmexxija tal-Commonwealth għas-sentejn li ġejjin, ikun wieħed mill-kelliema ewlenin waqt il-Commonwealth Local Government Conference.
Din il-konferenza, li tiġbor fiha r-rappreżentanti ta’ gvernijiet lokali mit-53 pajjiż tal-Commonwealth, qed tiltaqa’ fil-Botswana qabel iċ-CHOGM li‎ se jsir f’Malta f’Novembru li ġej.
Fil-laqgħa bejn il-Prim Ministru u l-President Khama ġie diskuss is-summit ta’ Malta flimkien ma’ pożizzjonijiet li se jieħdu pajjiżi Afrikani matul iċ-CHOGM.
Ġiet diskussa wkoll it-tema tal-immigrazzjoni li dwarha se jsir summit ukoll f’Malta bejn l-Unjoni Ewropea u l-Unjoni Afrikana u l-mod kif qed jiżviluppaw il-pajjiżi u l-kontinent Afrikan.