Il-Prim Ministru Joseph Muscat jilqa’ b’sodisfazzjon l-konklużjonijiet tas-Summit

Il-Prim Ministru Joseph Muscat laqa’ b’sodisfazzjoni li bosta mill-konkużjonijiet li wasal għalihom is-Summit tal-Kunsill Ewropew huma riflessi fil-programm elettorali tal-Partit Laburista. Qal li dan juri attitudni ta’ sens komun fejn l-awsterità weħidha mhix se taħdem, minn naħa l-oħra sostna li ħadd ma’ jista’ jonfoq bl-addoċċ, u għalhekk hemm bżonn ta’ attitudni aktar bilanċjata.

Joseph Muscat qal dan f’konferenza tal-aħbarijiet fi Brussell fi tmiem l-ewwel summit Ewropew li attenda għalih il-Prim Ministru Malti minn mindu ngħata mandat elettorali. Dr Muscat qal li kien sorpriż b’mod pożittiv li l-Kapijiet tal-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea kienu infurmati bis-sitwazzjoni kif żviluppat f’Malta. Qal li ġie mitlub iwassal l-awgurju lil eks Prim Ministru Lawrence Gonzi, u ċempel minnufih lill-Kap Nazzjonalista biex iwassallu dan l-awgurju.

Joseph Muscat qal ukoll li l-idea tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ li bdiet mill-Grupp tas-Soċjalisti Ewropej, se titnieda s-sena d-dieħla.
Dwar il-burokrazija fl-Ewropa, qal li l-Kunsill ikkummissjona rapport biex jidentifika dawk ir-regolamenti li ilhom fis-seħħ, u dan l-eżerċizzju imur id f’id mal-viżjoni ta’ tnaqqis fil-burokrazija fuq livell nazzjonali.

Sadanittant, matul il-ġurnata tal-bieraħ il-Prim Ministru Joseph Muscat kellu numru ta’ laqgħat fosthom mal-President tal-Kummissjoni Ewropea Josè Manuel Barroso, mal-President tal-Kunsill Ewropew Hermann van Rompuy, mal-President tal-Parlament Ewropew Martin Shultz kif ukoll mal-Kummissarju Ewropew responsabbli mis-Saħħa u l-Politika tal-Konsumatur Tonio Borg.

Ritratt: DOI Reuben Piscopo