4% biss mit-52 każ ta’ tuberkulożi huma Maltin – PM

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li fost it-52 każ ta’ turberkulożi li jiġu rrappurtati f’Malta, 4% biss huma pazjenti Maltin.

Kompla jgħid li minkejja li Malta hija l-iżgħar pajjiż fl-Unjoni Ewropea jingħaqdet mal-pajjiżi l-oħra dinjin sabiex tikkontribwixxi fil-ġlieda kontra l-AIDS, it-tuberkolożi u l-malarja.

Muscat ħabbar ukoll li Malta għall-ewwel darba se tkun qed tikkontribwixxi €300,000 fuq medda ta’ tliet snin għal dan il-fond. Il-President Franċiż Emmanuel Macron faħħar l-kontribuzzjoni ta’ Malta li b’dan l-att qed tagħti eżempju.

Fil-konferenza tal-Fond Globali f’Lyon fi Franza, l-Prim Ministru spjega li f’Malta s-servizzi tas-saħħa diġà jikkontribwixxu biex mard bħat-tuberkulożi jkun eradikat, fosthom billi tingħata assistenza medika lil immigranti irregolari li mhux biss qed jiġu salvati mill-baħar iżda qed jirċievu screening u vaċċini għal kontra l-istess tuberkulożi, fost għajnuna medika oħra.

Fl-aħħarnett, il-Prim Ministru għamel referenza għall-AIDS u l-HIV u stqarr li għandhom jitneħħew l-istigmati li jeżistu fil-konfront tal-komunità LGTBIQ, u saħansitra liġijiet li jikkriminalizzaw lil din il-komunità.

Waqt din il-konferenza, il-Prim Ministru kien akkompanjat mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.