Il-Prim Ministru jmexxi delegazzjoni fiċ-Ċina

Il-Prim Ministru Joseph Muscat dalgħodu ħalla Malta għal żjara fiċ-Ċina. 

Fost l-oħrajn se jattendi għal konferenza internazzjonali organizzata mill-World Economic Forum fil-belt ta’ Dalian fiċ-Ċina.

Għal din il-konferenza annwali jattendu industrijalisti, ekonomisti u mexxejja prominenti ewlenin internazzjonali taħt saqaf wieħed.

Matul iż-żjara fiċ-Ċina l-Prim Ministru se jkollu wkoll taħdidiet mal-Prim Ministru Ċiniz Li Keqiang kif ukoll taħdidiet bilaterali ma’ mexxejja Ewropej u Ċiniżi u intraprendituri ewlenin.

Jakkumpanjaw lill-Prim Ministru hemm ukoll il-Viċi Prim Ministru Louis Grech, il-Whip Carmelo Abela u ċ-Chairman tal-Malta Enterprise Mario Vella.