Il-Prim Ministru jkompli jagħfas fuq l-importanza tax-xogħol

F’attività politika f’Ħal Qormi l-Prim Ministru Dr Lawrence Gonzi għażel li jiffoka d-diskors tiegħu fuq ix-xogħol.

Qal li fid-9 ta’ Marzu li ġej il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jaffaċċja lill-poplu Malti b’wiċċu minn quddiem għax irnexxielu joħloq 20,000 impjieg.

Kompla jgħid li mill-pakkett finanzjarju ta’ iktar minn biljun ewro li rnexxielu jġib mill-Unjoni Ewropea parti mill-flus se jmorru biex ikompli jiġi ġġenerat ix-xogħol. Semma li fil-leġiżlatura li jmiss mistenni jonfoq €215 miljun fis-settur turistiku u €100 miljun fl-industrija.

Dwar l-aħar żviluppi fil-każ tal-blokka l-bajda, Dr Gonzi qal li dan juri biċ-ċar kif filwaqt il-Partit Laburista jindaħal biex iwaqqaf il-ħidma tal-pulizija milli tkompli tinvestiga, il-Partit Nazzjonalista jgħin fl-invstigazzjoni biex issir ġustizzja.

Il-Prim Ministru appella biex il-votanti jaħsbuha sew lil min se jafdaw biex imexxihom għall-ħames snin li ġejjin.