Il-Prim Ministru jgħid li Gvern Nazzjonalista jiggarantixxi l-impjiegi għaż-żagħżagħ

Waqt attività politika fl-Iklin, il-Prim Ministru Lawrence Gonzi qal li nħasad meta sema lill-kap tal-oppożizzjoni Dr Joseph Muscat jitkellem dwar kif se juża fondi mill-Unjoni Ewropea sabiex jgħin lill-istudenti tal-MCAST.

Qal li l-iskema partikolari li semma Dr Muscat tgħodd biss għal dawk il-pajjiżi li għandhom rati għolja ta’ qagħad, u żied li grazzi għal Gvern Nazzjonalista, Malta m’għandiex din il-problema. Qal li l-iktar ħaġa li tinkwetah hija li jinħolqu l-impjiegi għal dawn l-istudenti, u mhux jekk dawn l-istess studenti sejħux ismu waqt id-dibattitu jew le.

Il-Prim Ministru tkellem dwar il-billboard li fih jidher hu b’wiċċu blu u Dr Joseph Muscat b’wiċċu aħmar. Qal li dawk fi ħdan il-Partit Laburista qed jilbsu ingarvati blu, wiċċhom għadhom ta’ lewn aħmar. Qal li għall-kuntrarju, huwa kburi li wiċċu kien u għadu blu.

Dr Gonzi rrefera wkoll għal-laqgħa li kellu mal-pilota Libjan li ngħata protezzjoni f’Malta. Qal li l-avvenimenti fi żmien it-taqlib politiku fil-Libja wera li l-Gvern Nazzjonalista ma jibżax iżomm sod ma’ dak li jidhirlu li hu sewwa.