Il-PM jirrifjuta li jikkundana l-każ kriminali li ressaq l-eks Kummissarju tal-Pulizija

Il-Prim Ministru Joseph Muscat irrifjuta li jikkundana l-każ kriminali ta’ malafama li ressaq l-eks Kummissarju tal-Pulizija Peter Paul Zammit kontra l-Kelliem tal-Ġustizzja għall-Partit Nazzjonalista, Jason Azzopardi.
Jason Azzopardi qed ikun akkużat li mmalafama lill-eks Kummissarju tal-Pulizija Peter Paul Zammit, li f’Ġunju li għadda, waqt konferenza, ikkundanna lil Gvern talli żamm lil Zammit minkejja li kien nstab ħati li għadda informazzjoni personali u sensittiva lill-ġurnal lokali.
Joseph Muscat qal li jistax jikkundanna d-dritt ta’ ċittadin privat biex jiddefendi l-integrità tiegħu.
Tenna li kienet deċiżjoni privata tiegħu u li ma kien hemm kuntatt bejnu u Peter Paul Zammit.
Il-Partit Laburista qal li bid-dikjarazzjoni serja, tal-Kap tal-Oppożizzjoni, waqt il-Konferenza tal-Aħbarijiet li tela’ lbieraħ, li “huwa xogħol u responsabbilità tal-Gvern Laburista li Deputat tal-Oppożizzjoni li qed jaqdi d-dmirijiet tiegħu ma jitressaqx il-Qorti”, Simon Busuttil irid li l-Gvern jindaħal dwar min jitressaq il-Qorti u min le.

Tenna li l-Kap tal-Oppożizzjoni jrid li l-Oppożizzjoni tiegħu tgħid li trid fuq kulħadd, anke fuq ċittadini privati, mingħajr konsegwenzi ta’ xejn. Busuttil irid li l-privileġġ parlamentari li jgawdu minnu fil-bini tal-Parlament igawdu minnu anke barra 24 siegħa kuljum.