Il-Prim Ministru jinsisti għal apoloġija mill-Partit Nazzjonalista

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qed jistenna apoloġija mill-Partit Nazzjonalista wara li ntuża ritratt tat-tfal tiegħu b’rabta mal-mistoqsija li qamet fuq is-sid tat-tielet kumpanija fil-Panama, Egrant.
Waqt konferenza organizzata mill-Ewroparlamentari Miriam Dalli dwar il-Presidenza tal-Unjoni Ewropea, il-Prim Ministru qal lill-ġurnalisti li għadu qed jistenna din l-apoloġija.
Huwa reġa’ tenna li la hu, la martu u la ħadd mill-familja tiegħu m’għandhom xi kumpanija sigrieta xi mkien barra minn Malta.
Saħaq li hu u familtu għandhom kollox f’Malta u ddikjarat.
Ilbieraħ, waqt il-Konferenza Ġenerali Annwali tal-Partit Laburista, il-Prim Ministru appekka biex il-kampanja elettorali li ġejja tinżamm diċenti u li mhux se jippermetti attakki personali fuq qraba tal-Partit Nazzjonalista.
Intant mistoqsi minn ġurnalist tat-Times of Malta dwar kemm jista' jittieħed bis-serjetà meta Konrad Mizzi u Keith Schembri tħallew iżommu l-kariga tagħhom, il-Prim Ministru sfida lit-Times of Malta biex tippublika inkjesta interna li saret dwar l-eks Direttur Maniġerjali Adrian Hillman.
F'Marzu tas-sena li għaddiet kien allegat li Hillman għandu kont bankarju barra minn Malta li fih qed jirċievi flus mingħand iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri. 
Il-Mistoqsija dwar is-sid tal-kumpanija Egrant qamet mill-ġdid wara li l-blogger Daphne Caruana Galizia qalet li għandha informazzjoni dwar trasferiment ta' somom kbar ta' flus minn kont bankarju ta' PEP fl-Azerbaijan għat-3 kumpaniji u li dalwaqt se tikxef ta’ min hi t-tielet kumpanija fil-Panama.
Kemm iċ-Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Keith Schembri u l-Ministru Bla Portafoll Konrad Mizzi qalu li se jiftħu libell lil Daphne Caruana Galizia nhar it-Tnejn li ġej.
L-ismijiet ta’ Keith Shembri u Konrad Mizzi kienu fost lista ta’ persuni żvelati li għandhom kumpaniji sigrieti fil-Panama.
Għalkemm il-Kumitat tal-Parlament Ewropew dwar l-iskandlu tal-Panama ma sab xejn konkret ħażin fil-konfront ta’ Mizzi u Schembri, l-istess kumitat qal li dan jidher bħala “każ klassiku ta’ ħasil ta’ flus.”
Keith Schembri baqa' ma deherx quddiem il-kumitat, lanqas meta dan kien f'Malta.