Il-Prim Ministru jiltaqa’ mal-President tat-Tuneżija

Waqt laqgħa li l-Prim Ministru Joseph Muscat kellu mal-President tat-Tuneżija Mohammed Moncef Marzouki, qal li l-Gvern Malti huwa kommess li jsaħħaħ ir-relazzjonijiet ma’ dan il-pajjiż. Huwa qal ukoll li huwa importanti li ż-żewġ pajjiżi jikkomunikaw bejniethom bil-għan li jinħolqu aktar postijiet tax-xogħol.

Il-Prim Ministru ppropona li jkun hemm iktar kuntatti bejn il-Malta Enterprise u ma' organizazzjonijiet simili fit-Tuneżija sabiex jiżdied l-investiment u t-tkabbir ekonomiku.

Minn naħa tiegħu l-President Tuneżin wera l-interess tiegħu għal aktar taħdid dwar temi ta’ interess bejn iż-żewġ pajjiżi.

Intant il-Prim Ministru Muscat kellu wkoll laqgħa mal-President tal-Libanu Michell Sleiman fejn tkellem dwar l-importanza li Malta ssaħħaħ ir-relazzjonijiet mal-ġirien tagħha fil-Mediterran. Huwa esprima wkoll it-tħassib tiegħu dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja u fakkar li l-Gvern Malti huwa favur soluzzjoni politika u mhux militari.

Dr Muscat ħeġġeġ ukoll lil-Libanu, bħala pajjiż li jmiss mas-Sirja, biex jibqa’ jagħti għajnuna umanitarja lill-poplu Sirjan.