Il-Prim Ministru jilqa’ f’Kastilja lil bosta sportivi

Il-Prim Ministru Joseph Muscat, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima, iltaqa’ ma’ diversi sportivi li kisbu unur fl-aħħar ġimgħat. Il-Prim Ministru laqa’ ġewwa Kastilja lit-timijiet tal-waterpolo Neptunes Leo Vegas, li rebħu l-Premier Division tal-Kampjonat tas-Sajf, lil Marsaxlokk Browns, li rebħu l-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni tal-Kampjonat tas-Sajf u lil Exiles Elia Caterers, li rebħu l-kampjonat tan-nisa.

Fost dawk li rċievew rikonixximent żgħir għal wirjiet tagħhom fil-kamp sportiv, kien hemm ukoll it-tim tan-nisa ta’ taħt it-tmintax-il sena tal-basketball li kisbu l-fidda f’Diviżjoni Ċ tal-Kampjonati Ewropej tan-nisa f’Andorra, u s-Sur Charles Aquilina li rebaħ il-kampjonat Mondjali tat-table soccer f’Ġibiltà fil-kategorija tal-veterani.