Aġġornata: Il-Prim Ministru jikkundanna lil kull min xerred il-filmat tal-koppja f’karozza

Il-Prim Ministru Joseph Muscat kellu kliem iebes għal dawk li qed ixerrdu l-filmat tal-koppja li kellhom x’jaqsmu sesswalment f’karozza.
Waqt l-attività politika tal-Ħadd, il-Prim Ministru ddeskriva dan il-każ bħala abbuż li s-soċjetà ma għandha qatt tittollera.
Dr Muscat qal li għamel kuntatt mal-familja tat-tfajla u saħaq li għaddejin minn żmien diffiċli ħafna u li qed iħossuhom se "jiġġennu."
Ħeġġeġ lil Maltin kollha biex iħossuhom fid-dmir li juru lil din it-tfajla li hi biss vittma taċ-ċirkostanzi u li ma hemmx għalfejn tħossha ħajta għax fi kliemu ma għamlet xejn ħażin. Saħaq li min għamel il-ħażin huwa dak li xerred il-filmat.
“Din setgħet kienet it-tifla tagħna, oħtna jew il-mara tagħna,” kompla jgħid il-Prim Ministru.
Il-filmat tal-koppja kien imxerred fuq il-midja soċjali. Kull min ixerred qed jikser il-liġi u jista’ jkun akkużat li qed ixerred materjal pornografiku.
"Il-Prim Ministru jgħid l-affarijiet mhux skont kif inhuma, imma skont kif jaqbillu." – Partit Nazzjonalista
Fi stqarrija b'reazzjoni l-Partit Nazzjonalista qal li l-Prim Ministru fl-2014 ma qal xejn meta Cyrus Engerer instab ħati li xerred filmati pornografiċi u minflok ingħata xogħol ta' €85,000 fi Brussell u li llum qed jikkundanna każ eżatt bħalu.