Il-Prim Ministru jiċħad li hu u familtu għandhom kumpaniji mhux iddikjarati

Il-Prim Ministru Joseph Muscat ċaħad li hu jew martu u wliedu għandhom xi kont jew kumpaniji mhux iddikjarati barra minn Malta.
F’intervent li għamel fil-bidu tal-Konferenza Ġenerali Annwali tal-Partit Laburista, Dr Muscat qal li għamel żball li ħalla min jipprova jivvinta qlajjiet fosthom li għandu xi kumpanija sigrieta barra minn Malta.
Il-Prim Ministru tenna kemm-il darba li ħadd minn familtu ma għandu kont jew xi ħaġa f’xi pajjiż li m’humiex iddikjarati kif mhux suppost.
Huwa appella għall-kalma u s-serenità u qal li l-PL irid ikun sod u ċar ħafna fuq il-linja li se jieħu għaż-żmien li ġej fuq it-taqbida politika.
Dr Muscat appella biex il-kampanja elettorali jżommuha diċenti u jiddiskutu fuq livell ta’ ideat u x'direzzjoni se jagħtu lill-pajjiż.
Huwa qal li mhux se jippermetti attakki personali fuq qraba tal-Partit Nazzjonalista.

Ritratt: Uffiċċju tal-Komunikazzjoni tal-Partit Laburista