Il-Prim Ministru jgħid li l-Borża ta’ Malta trid issir globali

Waqt żjara fil-Borża ta’ Malta, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-Borża trid tibda’ timmira wkoll lejn swieq oħra.

Matul din iż-żjara l-Prim Ministru ltaqa’ mal-ħaddiema u ċ-Chairman Paul Spiteri, li ddeskriva l-Borża bħala pilastru għall-ekonomija.

Il-Prim Ministru qal li l-Borża ta’ Malta issa kkonsolidat is-suq lokali filwaqt li sostna li hemm tliet pilastri li fuqhom trid taħdem.

Dawn huma, il-ħidma biex issir aktar internazzjonali fis-swieq globali u mhux biss Ewropew, ir-reklamar internazzjonali tal-investituri fil-Borża Maltija u t-trasparenza.

Hawnhekk Paul Spiteri qal li l-Borża ta’ Malta qed tikkontribwixxi għal 13% tal-Prodott Gross Domestiku.

Il-Prim Ministru għamel ukoll referenza għat-tielet pilastru fir-riforma tal-pensjonijiet u kif qliegħ li qiegħed isir f’dan il-kuntest għandu jiġi jintuża lura fis-soċjeta’.

Mistoqsi mill-ġurnalisti dwar il-ftehim għall-enerġija maċ-Ċina, Joseph Muscat qal li dan mhux se jpoġġina f’dawl ikrah mal-Unjoni Ewropea għaliex is-suq huwa wieħed miftuħ.

Il-Prim Ministru qal li kif jintemmu n-negozjati għall-bejgħ tal-ishma lill-kumpanija Ċiniża, l-arranġament se jitressaq għall-vot fil-Parlament.

Qal li l-istess fil-każ tal-ftehim mal-Libja.